Sunday, December 29, 2024

Riżultat mhux mistenni fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni presidenzjali fil-Kolumbja

Aqra wkoll

Wara l-votazzjoni li kien hemm nhar il-Ħadd li għadda, issa l-għażla tal-president tal-Kolumbja hija bejn eks ribell xellugi u raġel li qiegħed ikun mlaqqam bħala “Trump tal-Kolumbja”. 

Kif kien mistenni Gustavo Petro, l-eks sindku ta’ Bogotá kif ukoll eks militant, kiseb l-iktar ammont ta’ voti fl-ewwel rawnd tal-votazzjoni b’madwar 40%. Fit-tieni post ġie Rodolfo Hernández u dan minkejja li s-sondaġġi kienu qed juru li Federico Gutiérrez kellu iktar appoġġ.

Issa, Hernández u Petro se jkunu qed jiffaċċjaw lil xulxin fit-tieni rawnd tal-votazzjoni li se ssir fid-19 ta’ Ġunju li ġej. 

Jekk Petro jirbaħ, dan ikun l-ewwel president xellugi fl-istorja tal-pajjiż. Fil-kampanja elettorali tiegħu Petro, li għandu 62 sena, wiegħed li se jkun qiegħed jirranġa l-inugwaljanzi li hemm f’pajjiżu kif ukoll se jaħdem fuq il-qalba għal enerġija iktar nadifa. 

 Min-naħa l-oħra, ir-riżultat miksub minn Hernández – li għandu 77 sena – kien tista’ tgħid ta’ sorpriża għall-maġġoranza tal-pajjiż. Hernández iħaddan politika b’laqta populista simili għal dik tal-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump. Hu ffoka l-kampanja tiegħu kontra l-korruzzjoni u dan minkejja li fil-preżent jinsab taħt investigazzjoni dwar allegat manuvri illegali favur kumpanija ta’ ibnu. 

Ir-rebbieħ ta’ din l-elezzjoni se jkun qiegħed isib ma’ wiċċu sfidi diffiċli speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-inugwaljanza u l-inflazzjoni. 

Ekonomija

Sport