Matul l-istaġun li għadda, il-Malta Premier League, li hija l-assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdanha l-klabbs kollha tal-Malta Premier, kellha dħul ta’ ftit aktar minn nofs miljun Ewro. Il-profitt kien ta’ aktar min-nofs dan l-ammont u l-klabbs qasmu bejniethom b’ €240,000 f’dividendi.
Dan minbarra flus oħra li klabbs ħadu bħala fondi ta’ solidarjeta mill-UEFA. Dan sar magħruf waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MPL li saret it-Tnejn. Dan kien l-ewwel staġun li fih l-MPL ħadet f’ idejha it-tmexxija tal-Malta Premier f’joint venture mall-MFA. Minn analiżi preliminari, jirriżulta li l-attendenzi żdiedu bi 15% li jirrifletti żieda qawwija fl-interess iġġenerat. Din l-analiżi saret fuq like-for-like basis ta’ 182 logħba.
Għall-ewwel darba il-kampjonat ġie organizzat bi profitt. Filwaqt li kien hemm telf minimu matul l-istaġun regolari, dan inqaleb fi profitt waqt il-Final Four.