Fl-aħħar xhur b’mod partikolari fl-aħħar snin rajna l-qasam ambjentali jieħu żvolta ‘l quddiem b’diversi miżuri li ħallew riżultati meqjusin bħala pożittivi u inkoraġġanti għall-aħħar. Ewlenin u l-aktar sinifikanti fost dawn hemm dawk marbutin mal-emissjonijiet fl-arja li wara żidiet kull sena qegħdin narawhom jonqsu, iniżjattivi biex naqilbu għal enerġija rinnovabbli, inizjattivi marbutin ma’ provvista tal-elettriku aktar effiċjenti, ħidma għal żieda fil-pannelli solari, iniżjattivi biex jinġabar u jiġi riċiklat l-iskart flimkien ma’ proġetti li saru, oħrajn qegħdin jitwettqu u oħrajn se jsiru fil-xhur li ġejjin għal aktar spazji ħodor fil-kommunitajiet tagħna.

Filfatt kien reġistrat l-akbar tnaqqis fl-emissjonijiet fl-arja meta mqabbel mal-ewwel kwart tas-sena l-oħra. L-ewwel tnaqqis fi kważi sentejt wara żidiet kontinwi ta’ emissjonijiet fl-arja. Dan ma ġiex mill-ajru imma hu frott ta’ iniżjattivi ambjentali li ttieħdu fl-aħħar snin fosthom flotta dejjem tikber ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Inizjattiva li kkontribwixxiet għal dan hu l-fatt li n-negozji qegħdin jinvestu biex jaqilbu minn fuq il-fjuwils konvenzjoni għall-elettrifikazzjoni fosthom l-inċentivi marbutin mal-ħażniet tal-batterija. Ma’ dan hemm ippjanati u qegħdin jinħmew inizjattivi oħra fosthom is-Solar Carport li hu parkeġġ mgħotti bil-pannelli solari. Wieħed ma jistax ma jsemmix il-ħidma marbuta mal-interconnector.
Hu fatt li ż-żoni urbani qegħdin jevolvu biex jissodisfaw id-domandi għas-sostenibbiltà ambjentali u l-għajxien kompatibbli mad-dinja ta’ llum. L-infrastruttura llum m’għadhiex biss dwar toroq, pajpijiet u d-distribuzzjoni tal-elettriku iżda issa qed issir aktar addattiva u marbuta mas-saħħa tal-komunitajiet u anke l-ambjent fejn ngħixu.

Nibnu komunità aktar ekoloġika bil-miri tal-Unjoni Ewropea dwar il-Klima u l-Enerġija
Fid-dokument ta’ qabel il-baġit, il-gvern qiegħed jirrakkomanda ekonomija newtrali għall-klima u dan hekk kif il-pajjiż miexi lejn il-miri ta’ newtralità klimatika sas-sena 2050. Wieħed irid jgħid li Malta hija wieħed mill-pajjiżi bl-inqas rata ta’ emissjonijiet ras għal ras fl-Unjoni Ewropea. Minn analiżi li ssir mill-Kummissjoni Ewropea turi li l-emissjonijiet ta’ Malta kull persuna kienu inqas minn nofs il-medja tal-Unjoni Ewropea.
Azzjoni Klima
Mid-dokument joħroġ li l-Awtorità tal-Azzjoni dwar il-Klima ħadet ir-riedni fit-tmexxija tal-koordinazzjoni nazzjonali dwar il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Biex tappoġġja dawn l-isforzi, ġie stabbilit Fond ta’ Azzjoni dwar il-Klima dedikat biex jappoġġja proġetti relatati mal-klima, jippromwovi t-trasferiment tat-teknoloġija u jsaħħaħ l-inizjattivi li jistgħu jittieħdu.
Dan waqt li jgħin lill-partijiet interessati jidħlu għal opportunitajiet ta’ finanzjament. Iniżjattiva simili kienet dik li ppermettiet lil xejn inqas minn 13,000 familja vulnerabbli jirċievu sistema ta’ filtrazzjoni tal-ilma, tnaqqis tal-iskart tal-plastik, tnaqqis fil-konsum tad-dawl u l-ilma u titjib fl-aċċess għal ilma tal-vit ta’ kwalità.

Id-dokument jgħid li “hekk kif ir-riskji marbutin mal-bidla fil-klima qegħdin dejjem jiżdiedu, Malta tibqa’ impenjata li tagħmel ir-reżiljenza bħala prijorità. L-awtorità qed tiżviluppa Pjan Nazzjonali ta’ Adattament immirat lejn setturi kritiċi bħall-ilma, l-enerġija, is-sigurtà tal-ikel, it-turiżmu u l-infrastruttura. Dawn l-isforzi strateġiċi għandhom l-għan li jissalvagwardjaw kemm is-saħħa tal-popolazzjoni kif ukoll l-istabbiltà tal-ekonomija fid-dawl tat-tibdil fil-klima.”
Id-dokument jgħid ukoll li matul is-sena 2025, il-gvern żamm momentum qawwi fl-investiment u r-riformi ekoloġiċi, b’isforzi nazzjonali ffukati fuq id-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, l-elettrifikazzjoni tal-bini u t-trasport u l-mobilità b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. Dawn il-prijoritajiet jiffurmaw is-sinsla tal-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima (NECP) aġġornat ta’ Malta, li jiddeskrivi t-triq tal-pajjiż lejn il-kisba tal-obbligi marbutin mal-bidla fil-klima tal-Unjoni Ewropea u obbligi internazzjonali.
Żviluppi ewlenin jinkludu investimenti kbar iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea f’żewġ sistemi ta’ ħażna ta’ batteriji fuq skala kbira u l-kostruzzjoni ta’ tieni interconnetor tal-elettriku, it-tnejn appoġġjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dawn l-inizjattivi huma importanti ħafna biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-enerġija u tintlaħaq il-mira għas-sena 2030, li hi dik ta’ kważi 25 fil-mija enerġija rinnovabbli. Filwaqt li jitkompla l-progress li sar bejn is-sena 2013 u s-sena 2024, meta s-sehem tal-enerġija rinnovabbli ta’ Malta jinżel minn inqas minn 4 fil-mija għal aktar minn 15 fil-mija, hija antiċipata aktar espansjoni permezz ta’ sejħa internazzjonali li se tkun għal proġetti ta’ enerġija mir-riħ fuq il-baħar.
Id-dokument isemmi l-investiment fl-enerġija u jgħid li bħala parti mill-investiment kontinwu tagħha fit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, l-Enemalta kompliet it-titjib tal-infrastruttura madwar Malta u Għawdex. Fis-sena 2024, tqiegħdu 82 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art ta’ vultaġġ medju, flimkien mal-ikkummissjonar ta’ 54 substation ġdida, u titjib għal xejn inqas minn 47 substation. Ma’ dawn hemm is-sostituzzjoni ta’ 29 switchgward, kollha b’tagħmir modern li jippermetti l-immaniġġjar ta’ ħsarat mill-bogħod mill-Marsa Control Room. Fl-2025, bdew ix-xogħlijiet f’21 lokalità b’60 km ta’ cables ġodda, ċentru ewlieni tad-distribuzzjoni ta aġġornamenti kbar, u bdew it-tħejjijiet għal ċentri ġodda fin-Naxxar u s-Siġġiewi. Appoġġjati mill-Fond tal-Faċilità tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u r-Reżiljenza, 15-il kilometru oħra ta’ cables ta’ vultaġġ medju qed jiżdiedu mal-grid, bi proġetti ewlenin f’Birkirkara, Wied il-Għajn u l-Imġarr.

Proġetti innovativi
Id-dokument jitkellem dwar kif l-Enemalta qiegħda tiżviluppa konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn il-Magħtab u l-Mosta biex tkun ta’ appoġġ għall-interkonnettur tal-elettriku li se jkun ta’ 200MW. Intqal li bħala parti mill-impenn tagħha għal enerġija aktar nadifa, Malta qiegħda tesplora wkoll l-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtut. Fl-aħħar tas-sena 2024 tnieda kwestjonarju ta’ prekwalifikazzjoni biex jattira kumpaniji interessati għal wind farm, li hu ppjanat li jiġġenera 300MW. L-ewwel stadju tal-proċess ta’ konċessjoni jivvaluta l-kapaċità teknika u finanzjarja tal-kumpaniji interessati. Il-proġett huwa mistenni li jagħti spinta sinifikanti lill-enerġija rinnovabbli domestika, itejjeb l-indipendenza fl-enerġija u jappoġġja l-mira ta’ Malta għan-newtralità tal-karbonju sas-sena 2050.
Trasport bl-elettriku
Id-dokument jgħid li “t-tnaqqis tal-emissjonijiet tat-trasport jibqa’ sfida ewlenija fost id-domanda dejjem tikber għall-mobilità. Il-gvern huwa impenjat li jkompli jiddekarbonizza s-settur billi jintroduċi u jżid miżuri mmirati kif meħtieġ. Fokus ewlieni tal-gvern huwa t-tħaddim, il-manutenzjoni u t-titjib marbut man-netwerk tal-iċċarġjar tal-EV ta’ Malta u Għawdex, li bħalissa jikkonsisti minn 372 unit ta’ iċċarġjar. Bħalissa għaddejja ħidma fuq l-espansjoni tan-netwerk nazzjonali tal-iċċarġjar tal-EV, wara konsultazzjoni mal-kunsilli lokali u l-partijiet interessati tekniċi. L-espansjoni se żżid 1,200 punt ta’ ċċarġjar ġdid madwar iż-żewġ gżejjer fis-snin li ġejjin.
Spazji miftuħa u ħodor biex tgawdi
Id-dokument jgħid li “l-progress ambjentali huwa marbut mill-qrib mal-ħolqien u l-kura ta’ spazji pubbliċi ekoloġiċi inklussivi. Mis-sena 2022, twettqu 60 proġett, immirati lejn it-trasformazzjoni ta’ żoni mitluqa, ir-restawr ta’ widien u l-ħolqien ta’ spazji sikuri u aċċessibbli għal kull età. Fost dawn l-iniżjattivi hemm l-irranġar taċ-Chadwick Lakes, it-trasformazzjoni ta’ Wied Rihana f’Burmarrad u l-ħolqien ta’ ġnien f’Pembroke. Kien hemm il-ftuħ mill-ġdid tal-ġonna Romeo Romano f’Santa Venera.

Intqal li l-gvern jappoġġja wkoll lill-kunsilli lokali fl-ekoloġizzazzjoni tal-komunità u qed itejjeb siti nazzjonali bħall-Ġonna Botaniċi Nazzjonali ta’ Malta, il-Mall Garden u l-Argotti Garden. Proġetti rurali ewlenin jinkludu restawr tal-Victoria Lines fl-Olive Grove tal-Bidnija, u l-boskijiet tal-Miżieb u l-Aħrax ta’ Ġewwa. B’finanzjament li jaqbeż il-€1 miljun mill-Programm ta’ Żvilupp Rurali, il-proġett Silva Green Pathways jara li jirriabilita 55,000 metru kwadru ta’ żoni ta’ afforestazzjoni. Ir-restawr tax-xmajjar għaddej ukoll f’Wied il-Luq u Wied il-Buskett permezz ta’ inizjattiva ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea li hi ta’ madwar €12-il miljun.
Malta aktar nadifa
Id-dokument jitkellem fuq Malta aktar nadifa u jgħid li meta wieħed jieħu ħsieb l-ambjent tfisser ukoll iż-żamma ta’ pajjiż nadif. Intqal li permezz ta’ ftehimiet ma’ 23 kunsill lokali, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni tipprovdi tindif tat-toroq kuljum għal aktar minn 870 triq residenzjali, u taqdi aktar minn 170,000 resident. Din is-sena, il-gvern ħabbar investiment ta’ €17-il miljun fi 83 vettura elettrika ġdida għat-tindif u l-manutenzjoni, inkluża magna speċjalizzata għat-tindif tal-ilma kostali. Din qed tikkollabora wkoll mal-Università ta’ Malta fuq żewġ proġetti innovattivi – wieħed hu dak dwar l-użu ta’ drones biex jidentifika l-iskart f’żoni rurali u diffiċli biex jintlaħqu, u b’hekk iħaffef l-isforzi ta’ tindif, u l-ieħor hu dak li vetturi tat-tindif ikunu mgħarmmra b’kameras biex jipprovdu informazzjoni f’ħin reali dwar fejn ikun meħtieġ tindif jew manutenzjoni.
Il-konġestjoni tat-traffiku
Bħala parti mill-impenn tal-gvern biex tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku u jitnaqqsu l-emissjonijiet relatati mat-toroq, tnediet inizjattiva dwar il-mobilità fit-toroq tagħna. Dan il-pjan ta’ azzjoni ta’ 18-il xahar għandu l-għan li jbiddel id-drawwiet tal-ivvjaġġar permezz ta’ aktar investiment fit-trasport pubbliku, promozzjoni ta’ vjaġġar barra l-ħinijiet li fihom ikun hemm ħafna traffiku b’mod partikolari kmieni filgħodu u tard wara nofsinhar, inċentivi biex jitnaqqas l-użu tal-karozzi, koordinazzjoni aħjar tax-xogħlijiet fit-toroq, soluzzjonijiet imtejbin għall-parkeġġ, u l-promozzjoni ta’ modi alternattivi ta’ trasport. L-edukazzjoni u l-infurzar huma wkoll komponenti ewlenin, appoġġjati minn kampanji pubbliċi bis-sistema TM Alert li kienet ġiet introdotta u li din tgħin lil dawk li jkunu qegħdin jivvjaġġaw jippjanaw il-vjaġġi b’mod aktar effiċjenti, u jtejjeb il-fluss tat-traffiku.

Issemma li apparti dan bħalissa għaddejja r-reviżjoni tal-Malta Highway Code biex tirrifletti aħjar il-bżonnijiet tal-utenti tat-triq. Fost dawn l-iniżjattivi hemm espressjoni ta’ interess għal għan innovattiv u diġitali, investimenti fit-trasport pubbliku bil-tfittxija ta’ rotot ġodda għal żoni industrijali u dawjk li jissejħu ‘new circular buses’.
Trasport Pubbliku
It-Trasport Pubbliku jibqa’ kruċjali għall-politika tal-gvern għat-tranżizzjoni lejn sistema ta’ trasport sostenibbli. It-trasport pubbliku bix-xarabank qed ikompli jesperjenza tkabbir sena wara sena, bis-sena 2024 tirreġistra l-ogħla numru ta’ passiġġieri trasportati għal 75,773 miljun persuna. Iċ-ċifri tal-passiġġieri matul l-ewwel 5 xhur sal-2025 urew żieda ulterjuri ta’ 8.1 fil-mija meta mqabblin mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Bħala parti mill-inizjattiva ‘Reshaping Our Mobility,’ għaddejja reviżjoni tan-netwerk tar-rotot biex tittejjeb l-effiċjenza u l-kwalità tat-trasport pubbliku.
F’April 2025, l-ewwel fażi introduċiet rotot ġodda, żiedet il-frekwenzi u aġġustat dawk eżistenti biex taqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-passiġġieri, wara konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati. Faċilità ġdida ta’ park and ride f’Raħal Ġdid issa qed ittaffi l-konġestjoni fiċ-ċentru tal-belt, b’espansjonijiet ulterjuri ppjanati, inklużi rotot ġodda għal Park and Ride f’Ta’ Qali li ġej. Biex tappoġġja dawn il-bidliet, il-flotta tal-karozzi tal-linja ġiet estiża u mmodernizzata u issa tlaħħaq total ta’ 506 vettura.
Fl-aħħar tas-sena 2024, kien hemm rekord ta’ 5,895,172 passiġġier li qasmu bejn Malta u Għawdex, żieda żgħira minn 5,883,487 fis-sena 2023. Fl-ewwel kwart tal-2025, 1,314,294 passiġġier għamlu t-traġitt, żieda ta’ kważi 20,000 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2024. It-traffiku tal-vetturi żdied ukoll b’472,813 vettura rreġistrata minn Jannar sa Marzu 2025, żieda ta’ 7,705 vettura.
Is-Servizz tal-Fast Ferry tejjeb b’mod sinifikanti l-konnettività bejn l-Imġarr Għawdex u l-Belt Valletta, u ġarr 978,272 passiġġier fis-sena 2024 minn 693,361 fis-sena 2023. L-għadd ta’ passiġġieri li għażlu li jużaw is-servizzi tal-Lanċa ta’ Valletta Inner Harbour bejn il-Belt Valletta u t-Tlett IbLIET u l-Belt Valletta u Tas-Sliema żdied għal 1,647,571 fl-2024 minn 1,258,383 passiġġier fl-2023.

Tal-Linja bil-baħar hi inizjattiva ewlenija mfassla biex tittrasforma l-mod kif in-nies jivvjaġġaw bl-użu tat-Trasport bil-Baħar. Dan is-servizz alternattiv għandu l-għan li jgħaqqad it-Tramuntana u n-Nofsinhar ta’ Malta b’mod veloċi u sigur billi joħloq rotta bil-baħar. Wara l-inawgurazzjoni tas-servizz bil-lanċa lejn Buġibba, żewġ rotot huma mistennija li jkunu operattivi, li jgħaqqdu lil Għawdex, Tas-Sliema u l-Belt Valletta.
Id-dokument jgħid li “L-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żona tat-Turiżmu kompliet ttejjeb it-turiżmu ewlieni u żżomm il-bajjiet indaf. Qed jitwettaq studju biex jivvalutaw il-prijoritajiet tar-riġenerazzjoni f’San Pawl il-Bajja, inklużi Xemxija, Buġibba, Qawra u Salini.”