Saturday, November 23, 2024

Riżultati pożittivi fis-settur edukattiv permezz tal-PTI Achieve

Aqra wkoll

Programm fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li qed ikollu suċċess kbir huwa dak imsejjaħ PTI Achieve – Prince’s Trust Intermational Achieve Programme. Dan huwa huwa programm ta’ żvilupp personali u jiffoka fuq ħiliet meħtieġa u mfittxija fid-dinja tax-xogħol. Il-programm PTI Achieve f’Malta isir b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Prince’s Trust International u HSBC Malta Foundation.

L-aħħar riżultati miksuba jkomplu jibnu fuq is-suċċessi li dan il-programm kiseb fil-passat riċenti. Filfatt dawn ir-riżultati huma wkoll miksuba f’dawn iż-żminijiet straordinarji bl-imxija tal-pandemija COVID-19.

Riżultati li juru li l-units kollha li ġew ippreżentati għaddew – jiġifieri suċċess ta’ mija fil-mija. Kien hemm 36 skola jew ċentru li ppreżentaw ix-xogħol tal-istudenti tagħhom b’4 ċentri li ppreżentaw ix-xogħol għall-ewwel darba: Maria Regina College Induction Hub – Naxxar, il-Kulleġġ San Benedettu ERC Hellen Keller – Kirkop, Is-Seminarju tal-Arċisqof – Rabat u l-Kulleġġ Stella Maris – Gzira.

Dawn jammontaw għal xogħol ta’ 450 student li ppreżentaw ix-xogħol tagħhom b’aktar minn 100 unit ippreżentat.

Interessanti ferm li madwar 40 student ikkonkludew ix-xogħol tagħhom qabel ma ntemmet is-sena skolastika u akkwistaw ċertifikat fil-Livell 3 tal-MQF li huwa rikonoxxut mil-MCAST u l-ITS. B’hekk dawn għandhom l-opportunità li jkomplu l-istudji tagħhom fil-livell post-sekondarju u jużaw il-PTI Achieve bħala wieħed mis-suġġetti li huma rikjesti għad-dħul f’dawn iż-żewġ istituzzjonijiet edukattivi.

Tajjeb li jingħad li hemm ‘il fuq minn 900 żagħżugħ u żagħżugħa li jsegwu l-programm f’aktar minn 50 skola jew ċentru madwar Malta.

Mitlub jikkummenta, l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qalilna li dawn ir-riżultati pożittivi huma riflessjoni tax-xogħol impekkabbli tal-edukaturi tagħna u wkoll juri b’mod ċar il-professjonalità u d-dedikazzjoni ta’ dawn l-edukaturi li jaħdmu mal-istudenti tal-pajjiż. Huwa qalilna li, “Riżultati bħal dawn jinkoraġġuna biex inkomplu naħdmu u juru wkoll li meta l-istudenti jingħataw l-għodda u s-sistema l-aktar addattata għalihom, jinkisbu r-riżultati. Imma mhux biss. Dan jirrifletti wkoll li kull student għandu l-ħtiġijiet individwali tiegħu, u aħna bħala gvern qed nagħmlu dak kollu possibbli biex niffokaw fuq dawn il-ħtiġijiet għall-benefiċċju ta’ kull student u studenta”.

Maureen Amoroso, Uffiċjal Edukattiv li tieħu ħsieb il-Programm PTI Achieve qaltilna li tinsab kburija b’dawn ir-riżultati u aktar minn hekk, grata lejn il-ħidma intensiva tat-tim kbir ta’ edukaturi nvoluti f’dan il-programm għall-benefiċċju tal-istudenti.

Tajjeb li nfakkru li l-għan ewlieni tal-PTI Achieve huwa li jgħin fl-iżvilupp personali tal-istudenti; jagħti l-ħiliet meħtieġa u mfittxija fid-dinja tax-xogħol; jagħti lill-istudenti l-ispazju u l-attenzjoni meħtieġa biex isaħħu dawn il-ħiliet; isiru aktar kunfidenti u responsabbli fix-xogħol tagħhom kif ukoll jitgħallmu jieħdu d-deciżjonijiet it-tajba; jgħin lill-istudenti biex ikunu ppreparati aħjar għall-edukazzjoni postsekondarja kif ukoll għad-dinja tax-xogħol.

PTI Achieve jikkumplimenta s-suġġetti kollha fir-rotta vokazzjonali u applikata u jinkludi numru ta’ attivitajiet differenti, fosthom diskussjonijiet, ħidma f’tim, attivitajiet prattiċi kif ukoll attivitajiet barra l-klassi. L-assessjar marbut mal-Achieve huwa assessjar kontinwu matul is- snin. M’hemmx eżamijiet marbutin ma’ dan is-suġġett u l-istudenti jiġu assessjati fuq evidenza li jipproduċu marbuta mal-ħiliet diversi. L-evidenza  tista’ tkun miktuba, mitkellma, viżwali jew anke diġitali. Il-programm PTI Achieve iwassal għal tliet stadji ta’ kwalifikazzjoni li huma MQF Livell 1, MQF Livell 2 jew MQF Livell 3 (livell ordinarju). MQF Livell 3 huwa rikonoxxut mill- MCAST u mill-ITS.

Sport