Il-Korp tal-Pulizija qed isegwi diversi miżuri sabiex titnaqqas il-kriminalità ġewwa pajjiżna. Dawn il-miżuri jinkludu dawk li jinsabu fl-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp li kienet imħabbra fis-sena 2020 bil-għan li tiġi implimentata fuq ħames snin. Bosta mill-miżuri huma intiżi biex b’xi mod jew ieħor jgħinu wkoll fil-ġlieda kontinwa kontra l-kriminalità meta jiġu implimentati.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, Ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri stqarr li għalkemm l-istrateġija ilha ftit aktar minn sentejn li bdiet tiġi implimentata, diġà kien hemm diversi riżultati pożittivi li għenu biex il-kriminalità tonqos, tant illi r-rata ta’ kriminalità dan l-aħħar kienet l-inqas li ġiet reġistrata fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena.
Fit-tweġiba tiegħu lid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, il-Ministru sostna li fost l-għanijiet prinċipali hemm enfasi li permezz ta’ miżuri li qed jiġu addottati, il-pulizija tkun aktar proattiva u dan biex tipprevjeni minn qabel li reati jseħħu.
Iċ-ċentralizzazzjoni ta’ certi servizzi speċjalizzati wkoll għenet f’dan ir-rigward, kif għen ukoll it-titjib fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, sistemi kompjuterizzati u sistemi diversi ta’ teknoloġija li kollha jservu ta’ deterrent u jgħinu jiddiswadu l-kriminalità.
Dawn is-sistemi ser jibqgħu jitjiebu u jiżdiedu kontinwament. It-taħriġ li qed jiġi mtejjeb u rivedut għal kull rank fil-Korp, skambju ta’ kapaċitajiet ta’ xogħol investigattiv ma’ forzi tal-ordni ta’ servizzi barranin, kif ukoll it-tqassim ta’ riżorsi aħjar, huma wkoll miżuri li jgħinu biex jintlaħaq dan il-għan.
Anke fejn tidħol ir-ronda minn uffiċjali tal-pulizija, inkluż dawk tal-Komunità kif ukoll ronda permezz ta’ vetturi, il-pulizija tagħmel l-analiżi tagħha biex taċċerta illi dawn isiru fl-aħjar ħinijiet u postijet, u dan biex iservu ta’ deterrent, anke fost dawk li normalment huma awturi ta’ ċerti reati.
Il-Pulizija tal-Komunità tmexxi prinċipji oħra li jgħinu tiżdied is-sigurtà u titnaqqas il-kriminalità. Dawn prinċipalment jinkludu l-bini tar-relazzjonijiet aktar b’saħħithom tal-pulizija f’kull livell tal-komunità. L-inizjattivi ta’ programmi għall-prevenzjoni tal-kriminalita, inkluż neighbourhood watch ukoll jgħinu biex il-pubbliku jkun aktar kawt u għalhekk ikun ta’ għajnuna f’dan ir-rigward.