Tuesday, March 24, 2026

Riżultati Tajbin għat-timijiet Maltin fi Tmiem il-Absa Cape Epic

Aqra wkoll

L-aħħar stadju tal-Absa Cape Epic ġab miegħu taħlita ta’ serħan, emozzjonijiet u soddisfazzjon hekk kif l-edizzjoni tal-2026 waslet fi tmiemha f’Stellenbosch.

Wara ġranet ta’ terren iebes, tlajja bla waqfien u kundizzjonijiet li dejjem jinbidlu, l-aħħar kilometri offrew mument rari ta’ riflessjoni — u għal ħafna, ta’ ċelebrazzjoni.

Għal Malta, dan kien suċċess sinifikanti, hekk kif it-tliet timijiet kollha rnexxielhom jaslu sal-linja finali ta’ waħda mill-aktar tlielaq ta’ mountain biking, maqsuma f’fażijiet, diffiċli fid-dinja.

Team Gaudos (Stephen Grima / Brandon Sultana) għal darb’oħra sfruttaw l-esperjenza tagħhom fil-Cape Epic, adottaw approċċ stabbli u kalkulat li ta l-frott matul il-ġimgħa kollha biex kisbu riżultat ieħor ta’ suċċess.

Meta rrifletta fuq l-aħħar stadju, Grima qal: “Ninsab kuntent u sodisfatt li spiċċajna l-aħħar parti f’ħin tajjeb — kienet memorabbli li spiċċajna flimkien ma’ Epic Team Deloitte, kif konna ppjanajna meta wasalna fl-aħħar kilometri ħdejn xulxin.” Huwa żied li rkupru aħjar wara l-Queen Stage ppermettilhom jispiċċaw b’saħħithom, jagħmlu diversi overtakes tul it-triq. Minkejja puncture ieħor għal Sultana, dan ma kellux impatt sinifikanti fuq il-progress tagħhom, u rnexxilhom jispiċċaw b’mod determinat.

“Kienet ġimgħa twila u diffiċli — fiżikament u mentalment — u l-għeja tiżdied ħafna minħabba l-elevazzjoni u l-kundizzjonijiet, iżda aħna kburin li temmejna ediżżjoni oħra tal-Cape Epic,” temm jgħid.

Team Gaudos temmew il-Cape Epic b’ħin totali ta’ 41:01:04.3, fejn spiċċaw fit-81 post fil-kategorija Open Men u fit-212-il post overall.

Epic Team Deloitte (Luke Borg / Mark Bonnici) temmew dak li jista’ jiġi deskritt biss bħala kampanja ta’ debutt ta’ suċċess kbir. Minkejja mard, problemi mekkaniċi u l-isfidi kbar tat-tiġrija, id-duo wera reżiljenza u kontroll tul il-ġimgħa kollha, u komplew jitjiebu ma’ kull stadju.

L-aħħar jum xorta ġab mument ta’ tensjoni meta Bonnici kellu waqgħa. Fortunatament, dan ma żammx lit-tim lura b’mod sinifikanti u baqgħu jtellqu b’mod kalm u kkalkulat sakemm spiċċaw l-aħħar stadju ma’ Team Gaudos. Il-ħin finali tagħhom ta’ 40:00:52.1 tahom it-73 post fil-kategorija Open Men u t-190 post overall.

“Din kienet waħda mill-aktar tiġrijiet diffiċli li qatt affrontajna. Kien hemm mumenti fejn tassew ħsibna li nieqfu, iżda t-teamwork tagħna wassalna sa l-aħħar — lanqas kellna bżonn nitkellmu biex nifhmu lil xulxin, sempliċement komplejna nimxu ’l quddiem flimkien.” – Luke Borg

Għal Team Kalamba Racing (Etienne Bonello / Marie Claire Aquilina), il-linja finali kellha tifsira aktar profonda. Wara d-diżappunt tas-sena li għaddiet, meta injury ġiegħlithom jirtiraw bħala team kmieni, it-tmiem ta’ din is-sena rrappreżenta għeluq ta’ kapitlu, reżiljenza u fidwa. Il-qsim tal-linja finali ma kienx biss dwar it-tmiem tat-tiġrija, iżda dwar li jegħlbu l-isfidi u jerġgħu lura aktar b’saħħithom.

Minkejja qtuħ ta’ligament fl-għaksa, Aquilina baqgħet determinata tul l-aħħar stadju, bit-tnejn juru determinazzjoni sal-aħħar. “Illum kien stadju mill-aqwa — temmejna t-tiġrija, u m’hemmx kliem biżżejjed biex nesprimi l-ferħ. Kienet iebsa immens,  speċjalment bl-injury, iżda komplejna sal-aħħar, nibqgħu ffukati u qatt ma sottovalutajna l-kobor ta’ kull stadju.”

Huma temmew il-kampanja tagħhom b’riżultat impressjonanti ta’ 19-il post fil-Mixed Category, b’ħin totali ta’ 44:56:47.9.

“Il-Mixed Category kienet kompetittiva ħafna, b’ħafna mill-atleti għaxar snin — jekk mhux iktar — iżgħar minna. Li tispiċċa fid-19-il post f’dan il-livell, fl-akbar tiġrija MTB f’fażijiet fid-dinja, hija xi ħaġa li nistgħu nkunu tassew kburin biha,” qal Bonello, hekk kif temm il-Cape Epic ta’ din is-sena.

Hekk intemmet edizzjoni tal-Absa Cape Epic, il-kisba tat-tliet timijiet Maltin tibqa’ xhieda tad-determinazzjoni, il-preparazzjoni u l-ispirtu li hemm bżonn biex tispiċċa din it-tiġrija ikonika.

Epic Team Deloitte (Luke Borg & Mark Bonnici) huwa sponsorjat minn Deloitte, b’appoġġ addizzjonali minn Foster Clark Products, Akkura, Visit Malta u aktar appoġġ minn Nduranz, The Cyclist u Wheel Wizard.

Team Gaudos (Stephen Grima & Brandon Sultana) huma appoġġjati minn Extra Karte, Visit Malta, SG Woodworks Ltd, Raico, National Gypsum Limited Malta, Wurth Malta, Pitre Hardware, Lourdes Opticians, JV Pharma, A. Caruana Enterprises Ltd u Xlendi Supermarket.

Team Kalamba Racing (Etienne Bonello & Marie Claire Aquilina) huma sponsorjati minn Kalamba Games, b’appoġġ addizzjonali minn Garmin u Visit Malta. Il-partners tekniċi jinkludu 226ERS, Ascend Creative Studio, BBB Cycling, IDMatch Bikefit Lab, The Sports Medics, Tristar Travel, u Würth.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport