Ir-riżultati tal-istudenti Maltin fid-9 sena li pparteċipaw fl-aħħar studju Internazzjonali tal-Matematika u x-Xjenza (TIMSS, 2023), jindikaw b’mod sħiħ avvanz importanti f’dawn is-suġġetti. Fil-Matematika, l-istudenti Maltin kisbu punteġġ medju ta’ 499, li huwa ferm ogħla mill-medja internazzjonali ta’ 478 u komparabbli mal-Italja u n-Norveġja. Fix-Xjenza, l-istudenti Maltin kisbu riżultat saħansitra aħjar, b’punteġġ ta’ 501 flimkien ma’ pajjiżi bħall-Italja u New Zealand.
TIMSS huwa studju internazzjonali fuq skala kbira organizzat mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-evalwazzjoni ta’ kisbiet edukattivi (IEA): organizzazzjoni indipendenti ta’ riċerka mingħajr skop ta’ qligħ. Dan ir-rapport ilu jsir kull erba’ snin mill-1995 u jivvaluta l-għarfien u l-ħiliet tal-Matematika u x-Xjenza tal-istudenti fis-snin 5 u 9. TIMSS 2023 involva 44 pajjiż u tliet parteċipanti fil-valutazzjoni komparattiva (benchmarking) ta’ Grad 8 (sena 9), u joffri għarfien komprensiv dwar is-sistemi edukattivi madwar id-dinja.
Punti ewlenin oħra mir-rapport TIMSS jinkludu l-fatt li fil-Matematika, 63% tal-istudenti laħqu l-punt ta’ riferiment internazzjonali intermedju (475) jew ogħla, filwaqt li 61% kisbu dan il-livell fix-Xjenza, u marru lil hinn mill-medji internazzjonali fiż-żewġ oqsma. L-istudju jenfasizza wkoll il-fatt li Malta rreġistrat kisbiet sinifikanti matul iż-żmien fiż-żewġ suġġetti, li jirriflettu l-isforzi kontinwi biex jissaħħu l-prattiki u r-riżorsi tat-tagħlim.
Kelliem mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni stqarr, “Dawn ir-riżultati huma xhieda tad-dedikazzjoni tal-għalliema u l-istudenti tagħna, sostnuti mill-impenn bla heda tal-Ministeru biex ikompli bit-trasformazzjoni tas-settur edukattiv. Importanti li dawn ir-riżultati mhumiex iżolati, imma parti minn xejra kontinwa li rat il-prestazzjoni tal-istudenti Maltin f’dawn l-istudji TIMSS titjieb b’mod konsistenti. B’mod partikolari, l-istudenti Maltin qed ikomplu jagħmlu progress kbir fix-xjenzi.”
Dan it-titjib konsistenti jirrifletti l-impatt tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, li tenfasizza bidla minn miżuri ta’ kumpens għal approċċi preventivi. Miżura ewlenija ta’ din l-istrateġija huwa l-iżvilupp tal-Istrateġija komprensiva tal-Litteriżmu matematiku, immirata lejn l-indirizzar tal-isfidi mill-edukazzjoni bikrija, għal dawk terzjarji filwaqt li tiġi indirizzata d-differenza fix-xogħol fl-oqsma tekniċi u d-differenza bejn il-ġeneri fil-Matematika. Ċentrali għal dawn l-isforzi huwa t-twaqqif tad-Direttorat il-ġdid għall-STEM u l-VET, li jixpruna politiki u inizjattivi innovattivi biex jissaħħu l-ħiliet fundamentali u jiġi promoss aċċess ekwu għall-edukazzjoni STEM. Bit-trawwim ta’ interventi bikrija u l-allinjament ta’ opportunitajiet edukattivi mal-ħtiġijiet tal-industrija, din l-istrateġija tiżgura li l-istudenti Maltin ikunu ppreparati sew biex jeċċellaw fil-Matematika, ix-Xjenza, u lil hinn.