Monday, November 10, 2025

Road Running League: Tnejn minn tnejn għal Gabriel Farrugia; l-ewwel rebħa għal Ritianne Zammit

Aqra wkoll

Gabriel Farrugia għamilhom tnejn minn tnejn fir-Road Running League ta’ Athletics Malta wara li rebaħ it-tieni tellieqa f’Ħaż-Żabbar, din id-darba fuq distanza ta’ 5km. It-tellieqa kienet organizzata minn La Salle AC.

L-atleta taż-Żurrieq Wolves kiseb ħin tajjeb ħafna ta’ 14:55, quddiem Aidan Tanti (Evolve) u Tommy Wallbank (Mellieħa AC) li kisbu ħin ta’ 15:40 u 15:53 rispettivament.

Ritianne Zammit ta’ Pembroke kisbet l-ewwel rebħa personali fir-Road Running League, meta temmet it-tellieqa f’ħin ta’ 18:37. Hija temmet quddiem Lisa Bezzina (Pembroke) u Joelle Cortis (Mellieħa) li kellhom taqtigħa mill-qrib għat-tieni post, tant li temmew it-tnejn b’ħin ta’ 18:58.

Filwaqt li b’din ir-rebħa Gabriel Farrugia beda jiftaħ vantaġġ tajjeb fil-klassifika, jidher li t-taqtigħa fil-kampjonat tan-nisa se tkun ferm kumbattuta hekk kif sitt atleti differenti telgħu fuq il-podju fl-ewwel żewġ tlielaq tal-istaġun.

Fil-klassifika tat-timijiet, Żurrieq kabbru l-vantaġġ tagħhom fil-quċċata, filwaqt li Mellieħa AC qabżu lil Evolve Endurance Club fit-tieni post. Fost in-nisa, wara li atleti ta’ Pembroke kisbu l-ewwel żewġ postijiet f’Ħaż-Żabbar, it-tim issa għamel pass importanti fl-isforzi tiegħu biex jiddefendi dan it-titlu.

Ir-Road Running Leage se jasal f’nofsu fit-18 ta’ Jannar, tellieqa ta’ 10km f’Ta’ Qali organizzata minn Athletics Malta li se sservi wkoll bħala l-Kampjonat Nazzjonali għal din id-distanza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport