L-eks attakkant ta’ Liverpool u l-Ingilterra, Robbie Fowler, inħatar manager tat-team tat-tieni livell tal-Arabja Sawdija, Al-Qadsiah FC.
Fowler, 48 sena, l-aħħar li mexxa kien lil East Bengal FC fis-Super League Indjan fl-istaġun 2020-21, u għen ukoll bħala coach f’Oxford United aktar reċentement.
Huwa beda l-karriera maniġerjali tiegħu fl-2011, waqt li ħa l-inkarigu tat-team Tajlandiż, Muangthong United, għal staġun wieħed.
Fowler mexxa wkoll it-team Awstraljan, Brisbane Roar, bejn l-2019 u l-2020.
Al-Qadsiah kitbu hekk fuq Twitter: “Robbie Fowler. Wieħed mill-iktar players famużi ta’ Liverpool u fil-Premier League Ingliż. Coach għal Al-Qadisiyah.”
Huma spiċċaw fil-11-il post fit-tieni livell tal-Arabja Sawdija fl-istaġun li għadda, 23 punt ‘il bogħod mill-ewwel erba’ postijiet tal-promozzjoni għas-Sawdi Pro League.
Riċenti kien hemm influss ta’ players ta’ isem kbir fl-Arabja Sawdija, bl-eks attakkant ta’ Real Madrid, Karim Benzema, u l-ex midfielders tal-Premier League, N’Golo Kante u Ruben Neves, fost dawk li segwew lill-eks attakkant ta’ Manchester United, Cristiano Ronaldo, lejn il-Lvant Nofsani.