Jgħid li l-kap il-ġdid tal-PN gawda minn nuqqas imsemmi fil-Moneyval; Jiċħad li l-Gvern iffirma s-SOFA
Il-Prim Ministru Robert Abela iddikjara fil-Parlament li wieħed min-nuqqasijiet li sab il-Moneyval fir-rapport tiegħu dwar Malta kien wieħed li minnu gawdew kemm l-eks-Kap tal-PN Adrian Delia kif ukoll Bernard Grech li għadu kemm ħadlu postu.
Huwa irrimarka dan fil-Parlament waqt stqarrija ministerjali li ta b’rabta mal-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew li sar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Abela irrefera għall-fatt li membru tas-sigurtà mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel irriżulta pożittiv għall-Covid19 u sostna li dan ma kienx Malta meta l-istess Michel żar pajjiżna ftit tal-jiem ilu.
Dwar in-nuqqasijiet li semma l-Moneyval huwa spjega kif in-nuqqas ta’ ċertu nies li jħallsu t-taxxa dovuta sena wara oħra ssemmiet f’dan ir-rapport u fakkar kif minn din il-prattika gawdew kemm Delia kif ukoll Grech.
Il-Prim Ministru irrefera wkoll għall-ispekulazzjonijiet li qamu fl-aħħar jiem dwar il-possibilita ta’ ftehim bejn il-gvernijiet ta’ Malta u l-Istati Uniti dwar kif għandhom jiġu trattati membri militari fiż-żewġ pajjiżi jew kif inhu magħruf aktar bħala s-SOFA.
Huwa mhux biss ċaħad li l-Gvern Malti iffirma dan il-ftehim imma li hemm xi rabta bejnu u r-rapport tal-Moneyval.
Abela tkellem ukoll dwar il-Covid19 fejn reġa ta assikurazzjoni li meta jinstab il-vaċċin Malta hija garantita li jkollha wieħed għal kulħadd għalkemm mhux se jkun obbligu li persuna tieħu t-tilqima.