Tuesday, November 26, 2024

Robert Arrigo fost 3 persuni mogħtija Ġieħ ir-Repubblika wara mewthom

Aqra wkoll

L-eks-Deputat Parlamentari u Eks-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo, kien wieħed minn tlett persuni li ġew rikonoxxuti bil-midalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika wara mewthom.

Iż-żewġ persuni l-oħra rikonoxxuti mill-Istat Malti kienu l-eks ambaxxatur Malti Saviour Borg u l-missjunarju Dun Ġwann Caruana.

Robert Arrigo

Imwieled fl-1954, Robert Arrigo kien operatur tat-turiżmu u politiku Malti li serva bħala Membru Parlamentari mill-2003 sal-mewt tiegħu fl-2022. Bejn l-2017 u l-2022 inħatar bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-1994, huwa ġie elett bħala l-ewwel Sindku ta’ Tas-Sliema u fl-2003, ġie elett fl-għaxar Parlament Malti fejn ħadem f’diversi kumitati u gruppi parlamentari u, b’mod indipendenti, serva wkoll fuq il-Bord tal-Konsulenti fl-Organizzazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu ta’ Malta.

Minbarra l-karriera politika tiegħu, Arrigo kien ukoll negozjant prominenti u pijunier fi ħdan l-industrija tal-ivvjaġġar u t-turiżmu.

Huwa mexxa l-kumpanija tiegħu, Robert Arrigo & Sons Limited, billi fetaħ swieq ġodda għat-turiżmu lejn Malta u Għawdex, immodernizza l-prodott u d-distribuzzjoni turistika sabiex iservu bħala bidla fl-industrija fid-diversi niċeċ tagħha.

Arrigo kien involut ukoll fit-tmexxija sportiva fejn ġie elett chairperson tal-klabbs tal-futbol Gżira United u Sliema Wanderers u serva wkoll bħala Viċi President ta’ Neptunes Waterpolo Club.

Għal diversi snin Arrigo għen bosta nies, minn xiri ta’ bżonnijiet bażiċi għall-persuni fil-bżonn sa xiri ta’ tagħmir speċjalizzat għal skopijiet mediċi.

Barra minn hekk, huwa seta’ jisfrutta r-rabtiet tiegħu fin-negozju sabiex jikseb imsieħba u finanzjamenti addizzjonali għall-organizzazzjonijiet filantropiċi.

Saviour F. Borg

Saviour F. Borg serva fis-Servizz għall-Affarijiet Barranin għall-Malta bejn l-1977 u l-2012, wara li ngħaqad mas-Servizz Ċivili fl-1965.

Tul il-karriera tiegħu ta’ 35 sena ta’ suċċessi u ta’ sodisfazzjon fid-diplomazija, l-Amb. Borg tela’ f’diversi gradi mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li wassluh sabiex jassumi responsabbiltajiet għoljin ħafna u importanti kemm fil-livell amministrattiv kif ukoll dak sostantiv.

Fl-1994 huwa nħatar bħala l-ewwel Direttur tad-Dipartiment tal-Affarijiet Multilaterali li kien għadu kif inħoloq.

Matul dak iż-żmien huwa ta kontribut importanti lejn il-ħidma multilaterali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

Mill-1978 sal-1982 serva bħala l-Ewwel Segretarju u Viċi Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fi ħdan l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti ġewwa Ġinevra, u mill-1983 sal-1987 fi ħdan l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.

Matul dan l-aħħar perjodu, li ħabat mal-ewwel mandat ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, serva wkoll bħala Deputat Rappreżentant ta’ Malta fl-istess Kunsill.

Fl-1999 inħatar bħala Ambaxxatur għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina f’Beijing, serva fl-istess perjodu bħala Ambaxxatur għall-Ġappun, għar-Repubblika tal-Korea u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea.

Fl-2003, l-Ambaxxatur Borg inħatar Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fi ħdan l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra fejn serva fl-istess waqt bħala Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u bħala Kap tal-Malta’s Observer Delegation għall-Konferenza dwar id-Diżarm, u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

Fl-2007 inħatar bħala Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York u serva wkoll bħala r-Rapporteur tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Inaljenabbli tal-Poplu Palestinjan.

Wara l-irtirar tiegħu, l-Ambaxxatur Borg serva bħala Konsulent mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ u bħala Ambaxxatur mhux residenti ta’ Malta għall-Konfederazzjoni Żvizzera, il-Prinċipat ta’ Liechtenstein, u għall-Bosnja u Ħerzegovina.

Matul is-snin, il-kwalitajiet personali tiegħu ta’ lealtà u integrità, għenuh sabiex iżomm ir-rwol kontinwu tiegħu fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin lil hinn minn kull biċċa xogħol speċifika li seta’ kien fdat biha.

Dun Ġwann Caruana

Imwieled fl-1941 ġewwa l-Mosta, Dun Ġwann Caruana ġie ordnat saċerdot fil-11 ta’ Marzu 1967.

Matul is-17-il sena tiegħu fis-saċerdozju ġewwa l-knisja parrokkjali ta’ San Ġiljan, kien meqjus bħala attivist soċjali.

Caruana kien beda gazzetta parrokkjali u għen sabiex jinħoloq grupp “Għaqda Nisa Ġiljaniżi.”

Kien attiv ħafna wkoll fi Christus Rex, li kienet għaqda ta’ qassisin. Fl-1984, Dun Caruana ħalla l-pajjiż sabiex jibda l-vokazzjoni missjunarja tiegħu fil-Brażil, fejn qatta’ l-kumplament ta’ ħajtu.

Huwa ħalla legat ta’ xogħol mal-komunitajiet Ekklesjastiċi u s-saċerdoti, kif ukoll kien kelliem dwar riformi agrikoli.

L-aktar impenn notevoli u bla waqfien tiegħu lejn il-foqra huwa tal-appoġġ kostanti tiegħu lill-Landless Peasants Movement fil-Brażil.

Caruana kien wieħed mill-ftit li għażel li jiddefendi lill-foqra u kien dejjem preżenti sabiex jagħti għajnuna lill-bdiewa jokkupaw artijet u raba’ mhux maħduma biex jibdluhom fi rziezet produttivi u jitimgħu lil familthom u eluf ta’ familji oħra.

Huwa ppubblika diversi kotba dwar il-bżonn ta’ ħidma missjunarja madwar id-dinja u dwar il-ħajja ta’ ministru missjunarju tal-Knisja.

Dun Caruana kien wieħed minn dawk li kienu determinati li jħallu d-dinja post aħjar milli sabuha u kien lest li jħallas prezz biex iwettaq din il-missjoni.

Sport