L-attakkant ta’ Bayern Munich Robert Lewandowski insista li m’għandu l-ebda bżonn li “jipprova lilu nnifsu” f’pajjiż ieħor fost spekulazzjonijiet dwar trasferiment tal-Premier League.
Il-futur tal-internazzjonali tal-Polonja maċ-champions tal-Bundesliga ġie kkontestat riċentement, bil-ftehim eżistenti tiegħu fil-Bavarja li għandu jiskadi fl-2023.
Lewandowski ġie marbut ma’ clubs bħal Liverpool, Manchester City u Real Madrid, iżda l-player ta’ 33 sena issa ċaħad rapport dwar tluq imminenti tiegħu minn ma’ Bayern Munich.
Waqt li indirizza lill-media wara li rebaħ iż-Żarbun tad-Deheb Ewropew, Lewandowski qal: “M’għandix għalfejn nipprova lili nnifsi f’kampjonat ieħor.
“Nista’ nikkompeti fl-aqwa kampjonati oħra u fiċ-Champions League. Jien ninsab 100 fil-mija ffokat fuq Bayern Munich; ma naħsibx dwar xi ħaġa oħra għajr it-team tiegħi. Għadni hawn – u ser inkun hawn għal żmien twil!
“Rigward età, dawn huma biss numri. Inħossni tajjeb ħafna, għandi l-aqwa statistika li qatt kelli. Naf li b’ġismi nista’ nilgħab fl-ogħla livell għas-snin li ġejjin. Jien bħal inbid tajjeb u nispera li nikseb aħjar. “
Lewandowski diġà skorja 11-il goal f’seba’ dehriet fil-kompetizzjonijiet kollha f’dan l-istaġun, li tella’ l-ammont ġenerali tiegħu għal 305 goals minn 336 logħba bil-flokk ta’ Bayern.