Robert Lewandowski ġie ppreżentat biż-Żarbun tad-Deheb Ewropew 2020-21, wara li skorja 41 goal għal Bayern Munich fil-Bundesliga.
Il-premju jingħata lill-aqwa skorer fil-kampjonati domestiċi kollha madwar l-Ewropa.
Lewandowski, 33 sena, huwa biss it-tieni player ibbażat fil-Ġermanja li rebaħ dan l-unur, wara l-leġġendarju ta’ Bayern, Gerd Muller, fl-istaġun 1971-72.
Huwa qal: “Niddedika dan il-premju lin-nies kollha li kuljum qegħdin maġenbi.”
Il-kalkolu tal-attakkant Pollakk fl-istaġun li għadda kien l-ogħla minn meta Cristiano Ronaldo ħa l-premju fl-2015 ma’ Real Madrid wara li skorja 48 goals.
Lewandowski qabeż bil-kumdità lil Lionel Messi (30) u Ronaldo (29) fid-29 dehra tiegħu fil-Bundesliga.
Qabel il-premju ntrebaħ sitt darbiet minn Messi, b’Ciro Immobile u Luis Suarez ukoll jispiċċaw fl-ewwel post.
“Nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi, lil sħabi, lill-istaff tal-coaching u lil FC Bayern kollha. Ma stajtx nirbaħ titli bħal dawn mingħajr l-appoġġ tagħhom,” żied jgħid Lewandowski.
“Fl-isport, bħal fil-ħajja, huwa kruċjali li tapprezzaw lil xulxin, tappoġġjaw lil xulxin, tkunu ġusti ma’ xulxin u tippruvaw tkunu mudell għal ħaddieħor. Ninsab kuntent ħafna b’dak li ksibna flimkien bħala team.”