L-attakkant ta’ Bayern Munich Robert Lewandowski informa lil Barcelona li jrid jingħaqad mal-ġganti Katalani matul it-tieqa tat-trasferimenti ta’ dan is-sajf.
Il-player ta’ 33 sena reġa’ kien f’forma eċċellenti għall-club Ġermaniż tiegħu matul l-istaġun 2021-22, fejn skorja 45 goal u rreġistra erba’ assists fi 38 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha.
Madankollu, il-kuntratt ta’ Lewandowski fl-Allianz Arena għandu jiskadi f’Ġunju 2023, u Bayern allegatament qed ibatu biex jikkonvinċuh jiffirma estensjoni.
L-internazzjonali tal-Polonja hu maħsub li jrid mill-inqas estensjoni ta’ sentejn, li bħalissa mhix qed tiġi offruta miċ-champions tal-Bundesliga.
Barcelona kienu marbuta b’mod qawwi mal-attakkant fl-aħħar ġimgħat, u Lewandowski issa informa lit-team minn Xavi li jrid jingħaqad magħhom fis-suq tat-trasferimenti li ġej.
Id-disa’ darbiet rebbieħ tal-Bundesliga jrid jilgħab fil-La Liga qabel tmiem il-karriera tiegħu u mistenni jirrifjuta l-offerti tal-Premier League biex imur jilgħab fil-Camp Nou.
Lewandowski skorja 339 goal u rreġistra 69 assist f’367 dehra għal Bayern minn meta ngħaqad magħhom mingħand Borussia Dortmund f’Lulju tal-2014.