Friday, November 15, 2024

Robert Pattinson bħala Batman ittormentat

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

It-tmiem il-ġimgħa kienet iddominata mill-British Film Awards u f’dik li hi box office Amerikana, “The Batman” kompla jkollu b’mod sodisfaċenti b’dħul ta’ $66 miljun bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd li għadda.  Globalment, id-dħul issa qabeż l-$463 miljun.

Għal dawk li huma British Film Awards, “The Power of the Dog” u Jane Campion rebħu ż-żewġ unuri ewlenin għall-aħjar film u direttur.  Kien “Dune” li kellu l-akbar ammont ta’ rebħiet: ħamsa b’kollox.

Ma kien hemm ebda sorpriża li Will Smith bebaħ l-unur għall-aħjar film imma għall-aħjar attriċi, r-rebbieħa ħarġet Joanna Scanlan li tidher fid-drama Ingliża, “After Love”.  Ariana DeBose (“West Side Story”) u Troy Kotsur (“CODA”) rebħu l-unuri għall-partijiet sekondarji.  “Belfast” ġie magħżul bħala l-aħjar film Ingliż. 

Kellna wkoll il-mewt tal-attur William Hurt fil-għomor ta’ 71 sena.  Kien popolari fit-tmeninijat meta rebaħ Oscar fl-1985 għall-parti li kellu f’“Kiss of the Spider Woman” minbarra li bbrilla f’“The Big Chill”, “Body Heat” u Children of a Lesser God”.

The Batman

Wara li konna rajna t-triloġija ta’ Christopher Nolan, partikolarment wara “The Dark Knight”, ħassejna li Batman kien fenominali u kien diffiċli jingħeleb.  Il-pubbliku u l-kritiċi kienu aktar konvinti li t-triq issa hi għan-niżla meta l-Warner Bros. għażlu lil Ben Affleck għal “Batman v Superman: Dawn of Justice”.  Naħeb li wieħed ser jaħsibha differenti b’din il-verżjoni ġdida.

“The Batman” imur f’livelli aktar profondi ta’ pessimiżmu u l-mibgħeda tal-kriminali tinħass aktar minn dik li rajna f’“No Time to Die”.  Huwa film sewdieni imma stupend li forsi kien ikun aktar effettiv li kieku ma kienx daqstant twil.  Fih kważi tliet sigħat.

Robert Pattinson hu Batman, il-karattru orfni li hu psikoloġikalment ittormentat.  Jagħmilha l-missjoni tiegħu li jeħodha kontra l-kriminali f’sqaqien mdellija jew fis-sotto terreni.  Il-prim-kriminal hu The Riddler (Paul Dano) li hu bniedem mismerr, iħabbatha sew mal-anarkista The Joker li kien tana Heath Ledger f’“The Dark Knight”.  Kemm Batman kif ukoll The Riddler huma viġilenti: Batman hu okkupat jgħin lill-pulizija; The Riddler qed jattakka il-korruzzjoni sistematika li timmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet ta’ Gotham City.

Id-direttur Matt Reeves kien ambizzjuż ħafna meta daħħal ħafna karattri li huma trademark ma’ din il-franchise – karattri bħal Catwoman (Zoë Kravitz), The Penguin (Colin Farrell, nassigurakom li ma jingħarafx) u l-qaddej leali Alfred Pennyworth (Andy Serkis).  Ma tonqos il-preżenza tal-uffiċċjal tal-pulizija James Gordon (Jeffrey Wright), wieħed mill-ftit fil-korp li Batman ikun lest li jafda.  Kriminal ieħor bla-qalb hu Carmine Falcone (John Turturro).  U minkejja dawn il-karattri kollha sekondarji, kollha għandhom l-mument tagħhom fejn juru x’isarrfu.   

Dan minbarra li għandna xena spettakolari b’car chase bejn il-karozza misjuqa minn The Penguin u l-Batmobile.

Ma’ l-ewwel delitt makabru, Matt Reeves ma jħallilna ebda dubju li l-qattiel miġnun irid super-eroj biex isib tarfu.  Primarjament, il-film hu detective story imma aktar ikkumplikat għax b’Bruce Wayne irid isolvu l-għeruq ta’ kumplott fuq korruzzjoni li għandu konnessjoni mal-familja Wayne.  Huwa The Riddler li jdaħħal lil Batman fix-xena billi kull darba li jwettaq delitt, il-qattiel iħalli kartolina b’ħaġa moħġaġa ndirrizzata lilu. 

L-effetti viżwali li naraw huma tal-ogħla kwalità.  Ir-reċtar hu tajjeb.  Iċ-ċinematografija hi stupenda.  It-tensjoni li joħloq taqtagħha b’sikkina.

Mhux film li toħroġ minnu u ma tibqax thewden fuqu u fuq it-temi li jaqla’.  Batman jibqa’ l-karattru li jizboq is-super-eoj kollha fid-DC Comics.  Matt Reeves reġa ivvinta mill-ġdid lill-Batman.

Gwida għal min ser jara “The Batman”: 15 (jistgħu jarawh persuni li għandhom aktar minn 15-il sena) għax fih xeni ta’ vjolenza u tensjoni kbira.

Ekonomija

Sport