Friday, December 13, 2024

Roberta Metsola bi żjara f’pajjiżna għada

Aqra wkoll

Dan se jkun l-ewwel impenn ta’ Roberta Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew

Għada, hekk kif pajjiżna se jkun qed jiċċelebra l-festa ta’ Missierna San Pawl, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola se tkun qed iżżur pajjiżna. Din se tkun l-ewwel żjara uffiċjali ta’ Metsola minn meta nħatret President.

Matul iż-żjara tagħha f’Malta, il-President Metsola ser tiltaqa’ mal-President tar-Repubblika ta’ Malta George Vella fil-Palazz Presidenzjali f’San Anton fit-8.00. Hija ser tiltaqa’ wkoll mal-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, waqt żjara fl-15.40 fis-sit fejn il-ġurnalista ġiet assassinata fil-Bidnija.

Qabel l-ewwel żjara uffiċjali, Roberta Metsola saħqet li “huwa importanti għall-Parlament Ewropew li nilħqu lin-nies fl-Istati Membri kollha u nqarrbu l-proġett Ewropew lejhom – dan huwa l-għan taż-żjara tiegħi f’Malta.”

Il-President tal-Parlament Ewropew ikkonkludiet tgħid li “l-maġġoranza tan-nies, inkluż f’Malta u Għawdex, iridu rwol aktar b’saħħtu għall-Parlament Ewropew. Din hija wkoll l-ambizzjoni tiegħi, u se nkompli naħdem biex insaħħaħ id-demokrazija Ewropea tagħna, u dejjem inpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħna.”

Roberta Metsola ġiet eletta bħala President tal-Parlament Ewropew fit-18 ta’ Jannar 2022, meta saret l-aktar president żagħżugħa fl-istorja tal-Parlament Ewropew, l-ewwel persuna Maltija f’din il-kariga, u l-ewwel president mara fi 22 sena.

Ekonomija

Sport