Saturday, June 14, 2025

Roberta Metsola mhux se tikkontesta għal Kap tal-PN 

Aqra wkoll

“Fid-dawl tar-riżenja mhux mistennija tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista aktar kmieni din il-ġimgħa, ħafna nies ħeġġewni biex inpoġġi ismi għall-għażla tat-tesserati. Fil-politika m’hemm l-ebda ambizzjoni personali akbar milli tmexxi l-Partit tiegħek għal rebħa fl-elezzjonijiet u tkun il-Prim Ministru ta’ pajjiżek. Iżda dan kollu mhux dwar l-ambizzjonijiet personali tiegħi, iżda dwar x’inhi r-responsabbiltà fil-politika. Matul l-aħħar jiem ippruvajt insib formula li biha ngħin lill-Partit bl-aħjar mezz possibbli, filwaqt li nwettaq dmiri b’responsabbiltà bħala President tal-Parlament Ewropew. Impenn li ma nistax inħallih nofs triq”.

“Nifhem li din il-formula ma tistax tkun bija bħala l-Kap li jmiss tal-Partit.  Madanakollu, se nkun disposta iktar minn qatt qabel biex ngħin lill-Kap il-ġdid fi kwalunkwe mod u rwol fejn isejjaħli, biex insaħħu l-Partit, nirbħu l-elezzjoni u nsalvaw lil pajjiżna. Irrid inkun ċara li nemmen b’saħħa li dawn t-tliet miri jistgħu jintlaħqu jekk naħdmu flimkien. Il-Kap il-ġdid tal-Partit se jsib l-appoġġ sħiħ tiegħi.”

Dan kien il-messaġġ li wasslet il-President tal-Parlament Ewroperw Roberta Metsola permezz tal-mezzi soċjali fejn spjegt li fil-karriera politika tagħha, ħadet ħafna deċiżjonijiet diffiċli. Uħud tajbin, oħrajn inqas, oħrajn nftehmu ħażin, uħud ġew ikkritikati jew saħansitra manipulati. Qalet; “Din hija l-politika u naf li dak hu li dħalt għalih. Kull deċiżjoni ħadtha b’mod maħsub, studjat, u determinat. Dan hu l-mod kif rabbewni biex inkun il-ġenituri tiegħi u dan hu dak li jien: mara Maltija u rappreżentanta kburija tal-poplu Malti u Għawdxi”. 

Metsola qalet ukoll; “Għaxar xhur ilu, ġejt eletta mill-ġdid bħala President tal-Parlament Ewropew, kariga li ġġib magħha responsabbiltajiet globali, għall-Unjoni Ewropea u fuq kollox għal pajjiżna. B’sens ta’ responsabbiltà, dan hu rwol li ma nistax nabbanduna. Dan qed nagħmlu b’lealtà lejn pajjiżi, lejn min ivvutali u lejn il-kollegi tiegħi, kemm fil-Partit kif ukoll fil-Parlament Ewropew. Ir-rwol li ġejt eletta fih mhux wieħed faċli. Qed ngħixu fi żmien ta’ sfidi bla preċedent għad-dinja, ta’ eskalazzjonijiet militari fuq l-għatba tagħna, ta’ diskussjonijiet sensittivi dwar l-ekonomija, ta’ ħidma biex niddefendu kull post tax-xogħol u nsaħħu l-investiment, u ninsabu wkoll f’mument li l-Ewropa (inkluż Malta u Għawdex) tinsab f’salib it-toroq fuq tant fronti. Minħabba dan kollu, l-impenn u l-attenzjoni tiegħi għandhom jibqgħu jkunu sħaħ. L-impenn u l-attenzjoni tiegħi ma jistgħux jinqasmu”. 

Tenniet tgħid; “Naf li ħafna nies se jsibu din id-deċiżjoni diffiċli. Naf li ħafna mhux se jaqblu magħha. Naf li ħafna se jikkritikaw. Naf li l-Labour, l-esponenti tiegħu u oħrajn, se jużaw l-okkażjoni u l-makkinarju kollu tagħhom biex jimmanipulaw u jgħawwġu d-deċiżjoni tiegħi kif jaqblilhom. Naf li se jkun hemm min jipprova jżeblaħni. Se jimbuttaw il-propaganda tagħhom billi jivvintaw u jgħidu li ħadt id-deċiżjoni għal kwalunkwe raġuni oħra għajr il-verità – kif ilhom jagħmlu s-snin. Ma jifilħux jaraw mara Maltija tiġġieled għal dak li temmen fih. Ma jistgħux jaċċettawha. Se jżidu l-mibgħeda, se jintensifikaw l-attakki, se jirvillaw. Imma jien se nibqa’ niġġieled kuljum biex, f’kull ma nagħmel u f’kull deċiżjoni li nieħu, nuri lid-dinja kollha l-aqwa li għandu x’joffri pajjiżna. Jien dejjem se nkun hemm għall-Partit tagħna u għal pajjiżi, kif dejjem kont minn żgħożiti”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport