Tuesday, November 26, 2024

Roberta Metsola tgħid li mhux se titfa’ l-kandidatura tagħha għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-PN

Aqra wkoll

Roberta Metsola, l-MPE Nazzjonalista li s’issa kienet qed tissemma fost dawk il-persuni li jitfgħu l-kandidatura tagħhom għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, qalet li mhijiex se tkun qed tikkontesta għal din l-elezzjoni.

Hija qalet dan f’kumment fuq il-midja soċjali li fih esprimiet l-opinjoni tagħha dwar l-istat atwali tal-Partit Nazzjonalista, u d-diffikultajiet attwali li l-PN qed jiffaċċja.

Hija saħqet li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jgħaddi minn proċess biex ikun jista’ joħroġ mis-sitwazzjoni li jinsab fiha.

Tenniet li l-mudelli tal-passat iridu jinbidlu, u dak li ħadem tajjeb fl-imgħoddi jkollu bżonn jinbidel.

Intant filwaqt li qalet li għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista dejjem għamlitha ċara li lesta li tagħmel il-parti tagħha u tgħin fis-soluzzjonijiet biex il-Partit jirkupra mis-sitwazzjoni li jinsab fiha, żiedet tgħid li ma jistax ikun li l-Partit Nazzjonalista jgħaddi minn elezzjonijiet interni twal.

Saħqet li biex dan il-proċess ikun mill-iqsar possibbli għandju jkun hemm sa żewġ kandidati, bit-tesserati jkollhom għażla ċara.

“B’aktar minn tnejn (kandidati) ikompli joħroġ aktar demm, issir aktar ħsara u l-ġrieħi jikbru. Dan la jkun ta’ ġid għall-Partit u lanqas għall-pajjiż,” saħqet Metsola.

Saħqet li għaldaqtant wara diskussjoni li kien hemm bejn il-kandidati li esprimew ruħhom li kienu qed jikkunsidraw li jikkontestaw għat-tmexxija, ħasset li jkun aktar għaqli u prudenti li ma tkunx fuq il-lista preżenti.

Temmet tgħid li din id-deċiżjoni mhi se tkun qed tnaqqas xejn mid-determinazzjoni li taħdem għall-Partit Nazzjonalista u għall-pajjiż.

Sport