Sunday, December 22, 2024

Roberto Mancini jilmenta dwar in-nuqqas ta’ talent fis-Serie A

Aqra wkoll

Il-coach nazzjonali Taljan, Roberto Mancini, jinsab imdejjaq għan-nuqqas ta’ players għad-dispożizzjoni tiegħu biex jagħżel it-team nazzjonali bi players li jilgħab fis-Serie A.

Mancini jemmen li n-nuqqas ta’ tfal jilagħbu l-football fit-toroq hija waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ players li jgħaddu.

Il-coach tal-Ingilterra, Gareth Southgate, tkellem bl-istess mod dwar numru dejjem jonqos ta’ players fil-Premier League Ingliż.

“Aħna qegħdin agħar minn Southgate,” qal Mancini.

L-Ingilterra jinsabu fl-istess grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2024 mal-Azzurri fejn bdew b’rebħa 2-1 kontrihom stess f’Napli u wara għelbu lill-Ukrajna 2-0 f’darhom stess.

It-Taljani kisbu l-ewwel rebħa meta l-Ħadd rebħu lil Malta 2-0 fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali bi skor li reġa’ ma qabiżx żewġ goals bħal ma kien il-każ f’seba’ mid-disa’ logħbiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

L-Italja rebħu l-Euro 2020 iżda naqsu milli jikkwalifikaw għal żewġ Tazzi tad-Dinja konsekuttivi fl-2018 u l-2022.

Tliet timijiet tas-Serie A – Napoli, Milan u Inter – waslu sal-aħħar tmienja taċ-Champions League għall-ewwel darba fi kważi 20 sena.

Madankollu, Mancini qal li dan ma jfissirx titjib għat-team nazzjonali.

“Ma nafx għaliex hemm daqshekk ftit attakkanti, aħna limitati ħafna fuq quddiem,” huwa qal.

“Għandna tliet timijiet fil-kwarti-finali taċ-Champions League, iżda fit-tlieta hemm l-aktar seba’ jew tmien Taljani. Din hija r-realtà.”

Il-leaders li qed jiġru bis-Serie A, Napoli, huma l-aqwa skorers taċ-Champions League dan l-istaġun, madankollu l-istilla tagħhom huwa Victor Osimhen, li jilgħab man-Niġerja.

Player wieħed biss imwieled Taljan jidher fl-Aqwa 10 skorers tas-Serie A: Ciro Immobile ta’ Lazio fid-disa’ post, iżda bħalissa huwa jinsab imweġġa’.

L-eks manager ta’ Manchester City qal li qed iħares lejn kampjonati oħra għall-players – inkluż l-attakkant ta’ 19-il sena ta’ Leeds United, Wilfried Gnonto – għalkemm staqsa għaliex il-player ma ġiex miksub minn club tas-Serie A.

Fiż-żewġ logħbiet li lagħbu l-Italja, Mancini nkluda lill-Arġentin, Mateo Retegui, li kien ilu tlett ijiem biss fil-pajjiż qabel iddebutta kontra l-Ingilterra u skorja l-goal tal-bandiera u wara sab ix-xibka kontra bl-ewwel goal kontra Malta.

Huwa ssuġġerixxa wkoll li kien hemm raġuni għall-provvista qasira tal-aqwa players minn fejn jagħżel.

“Konna nilagħbu tlieta jew erba’ sigħat fit-triq u mbagħad immorru nitħarrġu, illum dan ma baqax jiġri. Mhux ta’ b’xejn li players għadhom jiġu skoperti f’dawk il-pajjiżi, bħall-Urugwaj, l-Arġentina jew il-Brażil, fejn it-tfal għadhom jilagħbu ħafna football fit-toroq”.

Jekk Mancini qed jilmenta li m’għandux wisq minn fejn jagħżel u għamel paragun mal-Ingilterra li għandhom l-istess problema, x’għandna ngħidu hawn Malta meta l-clubs tagħna qed jilagħbu seba’ barranin li fl-istaġun li ġej se jitilgħu għal disgħa.

Li jista’ jiġri jekk mhux diġa’ qed jiġri huwa li ħafna players żgħażagħ jaqtgħu qalbhom li jidħlu fit-timijiet lokali aħseb u ara fit-team nazzjonali.

Anke hawn Malta m’għadekx tara jintlagħab l-football fit-toroq u lanqas hawn grounds miftuħa fejn jistgħu jiltaqgħu żewġ timijiet biex jilagħbu partita meta llum biex tilgħab trid tħallas għal ground.

Ekonomija

Sport