Roberto Martinez ħabbar li d-draw ta’ 0-0 kontra l-Kroazja kienet l-aħħar waħda tiegħu fit-tmexxija tat-team nazzjonali tal-Belġju wara l-eliminazzjoni mit-Tazza tad-Dinja.
Il-Belġjani riedu jirbħu dan il-konfront biex ikomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni.
L-eks coach ta’ Wigan u Everton ilu fit-tmexxija tat-team nazzjonali tal-Belġju mis-sajf tal-2016.
Taħt it-tmexxija tiegħu r-Red Devils ikkwalifikaw għas-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja 2018 qabel ma tilfu kontra r-rebbieħa eventwali Franza.
“Din kienet l-aħħar logħba tiegħi mat-team nazzjonali, ma nistax inkompli,” qal Martinez fil-konferenza stampa tiegħu ta’ wara l-partita. “Wasal iż-żmien li naċċetta li din hija l-aħħar logħba.”
Martinez, 49 sena, bena ‘l hekk imsejħa “Ġenerazzjoni tad-Deheb” tal-Belġju.
Barra minn hekk, it-team ġie kklassifikat fl-ewwel post tar-rankings tal-FIFA għal sentejn taħt ir-responsabbiltá ta’ Martinez u bħalissa jinsabu fit-tieni post, taħt il-Brażil.