L-FA Portugiża ħabbret il-ħatra tal-eks coach tal-Belġju Roberto Martinez, li se jieħu r-responsabbiltá tat-team nazzjonali wara t-tkeċċija ta’ Fernando Santos.
Santos intemmlu l-kuntratt wara d-diżappunt tat-Tazza tad-Dinja meta sfaw eliminati fil-kwarti-finali fit-telfa ta’ 1-0 kontra l-Marokk.
Intqal ukoll li huwa ma kienx kapaċi jżomm is-serenitá fl-iskwadra wara l-battibekki li kellu ma’ Cristiano Ronaldo fejn dan tal-aħħar saħansitra hedded li jitlaq mill-iskwadra minħabba li ġie utilizzat bħala sostitut.
Peró, anke Martinez għandu jinsa din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja meta l-Belġju sfaw eliminati mill-fazi tal-gruppi hekk kif kien mistenni ħafna aktar minn dan il-grupp ta’ players li għal tliet snin sħaħ kien jokkupa l-quċċata tar-rankings tal-FIFA.
L-ewwel kompitu ta’ Martinez se jkun li jibni l-iskwadra mill-ġdid fit-tentattiv li jisfida għar-rebħ tal-Euro 2024, li se jsir fil-Ġermanja.