Il-Malta FA ħabbret li Roberto Menichelli nħatar bħala l-coach il-ġdid tat-Team Nazzjonali tal-Futsal.
Menichelli huwa isem stabbilit fix-xena internazzjonali tal-futsal, wara li serva bħala l-coach tat-Tim Nazzjonali Taljan tal-Futsal mill-2009 sal-2018. Matul il-mandat tiegħu, it-team kiteb l-istorja, billi rebaħ it-tieni titlu tal-Kampjonat Ewropew tal-Futsal fl-2014.
Is-CV ta’ Menichelli tinkludi wkoll perjodu bħala l-coach tat-Tim Nazzjonali Taljan tan-Nisa tal-Futsal, irwol li okkupa mill-2015 sal-2018.
Huwa gawda minn suċċess fil-karriera bħala player wara li rebaħ żewġ kampjonati tal-Futsal Serie A u ħames titli tal-Coppa Italia, kollha ma’ Torino. Huwa lagħab 28 darba mat-Team Nazzjonali Taljan, fejn skorja żewġ goals fil-proċess, filwaqt li fforma wkoll parti mill-iskwadra għat-Tazza tad-Dinja tal-Futsal fl-1992, f’Hong Kong.
F’kumment dwar din il-ħatra, il-Viċi President tal-Malta FA, Dr Matthew Paris, irrimarka: “Din il-ħatra hija pass ieħor ’il quddiem biex jiġi żgurat aktar tkabbir tal-futsal f’Malta.”
“Wara l-perjodu ta’ suċċess ta’ Gabriel Dobre, il-Malta FA għażlet li taħtar coach ieħor tal-futsal b’esperjenza biex imexxi lit-Tim Nazzjonali tal-Futsal ta’ Malta għas-snin li ġejjin. Din il-ħatra hija messaġġ ċar li l-futsal huwa fuq l-aġenda ewlenija tal-Malta FA,” huwa qal.
Dr Paris żied jgħid: “Nirringrazzja lil Roberto talli aċċetta l-offerta tagħna u nilqgħuh fil-komunità tal-futsal li dejjem qed tikber f’Malta.”
Min-naħa tiegħu, Menichelli rringrazzja lill-Malta FA għal dan l-rwol, li aċċetta b’interess u sodisfazzjon kbir.
“L-iżvilupp tal-futsal għall-Malta FA jirrappreżenta wieħed mill-aktar objettivi importanti li għandhom jintlaħqu fis-snin li ġejjin, u hija r-raġuni ewlenija għaliex iddeċidejt li naċċetta l-irwol,” qal.
“Se nimpenja ruħi li nikkontribwixxi għall-Assoċjazzjoni u għall-moviment tal-futsal li nirrappreżenta,” kompla Menichelli.
L-ewwel logħbiet ta’ Menichelli fit-tmexxija tat-Team Nazzjonali Malti tal-Futsal se jsiru aktar tard dan ix-xahar, bit-team tiegħu jkollu żewġ logħbiet ta’ ħbiberija internazzjonali f’Bucharest, ir-Rumanija. L-ewwel waħda se tkun kontra r-Rumanija, fit-8 ta’ Novembru, fl-4.00 pm filwaqt li t-tieni waħda se tkun kontra l-Latvja, fl-10 ta’ Novembru, f’12.00 pm

