Ir-Rolex Middle Sea Race hija minquxa fil-qalb tal-wirt marittimu Malti – sfida ta’ 606 mil nawtiku li tkompli tqanqal l-immaġinazzjoni ta’ baħrin minn madwar id-dinja. Imwielda f’Malta fl-1968, it-tellieqa tirrappreżenta r-relazzjoni dejjiema tal-gżira mal-baħar: taħlita ta’ avventura, reżiljenza u ħbiberija.
Fost il-118-il ekwipaġġ irreġistrat għas-46 edizzjoni, li tibda mill-Port il-Kbir, fil-Belt Valletta, nhar is-Sibt 18 ta’ Ottubru fil-11:00 (CEST), hemm 13-il tim Malti. Għal dawn il-baħrin, il-parteċipazzjoni tfisser kburija daqs kemm tfisser prestazzjoni – u kull min itemmha jikteb paġna ġdida fl-istorja marittima tal-pajjiż.
Il-Royal Malta Yacht Club:
Ir-Royal Malta Yacht Club (RMYC) jaf il-bidu tiegħu fl-1830, u ilu l-qalb tal-ibburdjar lokali. Paul Ripard, John Ripard, Jimmy White u Alan Green kienu l-viżjonarji wara l-idea oriġinali li jduru madwar Sqallija, u poġġew il-pedamenti għal dak li llum sar avveniment offshore magħruf mad-dinja kollha.
Kull Ottubru, il-kanuni tas-Saluting Battery ma jħabbrux biss il-bidu tat-tellieqa, iżda wkoll iċ-ċelebrazzjoni ta’ Malta u tal-ispirtu marittimu tagħha.
Ikoni Maltin tal-Baħar
Fost l-aqwa timijiet offshore Maltin hemm Artie III, immexxija minn Lee Satariano u Christian Ripard, waħda mill-aktar dgħajjes li qatt rebħet unuri fl-istorja lokali. Ir-rebħiet ta’ Satariano fl-2011 u fl-2014, u din il-35 parteċipazzjoni li jmiss ta’ Ripard – li laħaqir-rekord tal-mibki Arthur Podestà – jissimbolizzaw reżiljenza u konsistenza bla qies. L-ekwipaġġ, li baqa’ kważi l-istess, jinsab lest wara t-tielet post fil-klassi fl-Aegean 600 ta’ Lulju.
It-tim ta’ Elusive 2, immexxi mill-aħwa Podestà, rebbieħ għal darbtejn konsekuttivi fl-2019 u fl-2020, ikompli jibni fuqb il-wirt ta’ missierhom Arthur. L-approċċ dixxiplinat u familjari tagħhom, flimkien ma’ ekwipaġġ magħqud, għamilhom preżenza regolari fuq il-podju u ambaxxaturi tal-ibburdjar Malti.
Kampanja oħra minn membri tal-istess familja hija Calypso, immexxija mill- kuġini Dan Calascione u Seb Ripard, it-tnejn neputijiet ta’ wieħed mill-fundaturi tat-tellieqa, John Ripard. Huma se jmexxu l-iżgħar jott fil-flotta.
Ton Ton Laferla Insurance, immexxija minn Jonathan Gambin, se tipparteċipa għas-17-il darba, b’ekwipaġġ leali u b’esperjenza li jinkludi lil ibnu Gerald. Il-prestazzjoni qawwija tagħhom fil-Yachting Malta Coastal Race ta’ din is-sena, fejn spiċċaw fit-tielet post f’IRC 4, tikkonfermahom bħalawieħed mill-protagonisti lokali ewlenin.
Il-Ġenerazzjoni li Tiela’
Il-Jarhead Young Sailors Foundation tkompli tħarreġ il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ baħrin Maltin. Iż-żewġ jottijiet tagħha – Jarhead (skipper Gary Mercieca / Gregory Nasmyth) u JYS Jan (skipper Claudio Bugeja / Dimitrios Paschalidis) – jirritornaw b’ekwipaġġi mħalltin li jgħaqqdu baħrin b’esperjenza ma’ dawk ġodda, għal ambjent ta’ tagħlim bilanċjat.
Għall-Fondazzjoni, il-Rolex Middle Sea Race mhix biss kompetizzjoni, iżda esperjenza ta’ taħriġ fit-timwork, reżiljenza u rispett lejn il-baħar.
L-isforz diġà qed jagħti l-frott: fit-Yachting Malta Coastal Race, JYS Jan kisbet it-tieni post f’IRC 6, sinjal tas-saħħa li qed tiżdied u l-preparazzjoni tagħhom għall-isfida ewlenija offshore.
L-Esperjenza tiltaqa’ mal-Ambizzjoni
Otra Vez, ta’ Aaron Gatt Floridia, membru tal-Kumitat tar-RMYC, tirritorna b’ekwipaġġ nofsu ġdid. Minkejja li naqsu milli jipparteċipaw fil-biċċa l-kbira tal-kalendarju tat-tbaħħir tal-2025 minħabba skedi konflinġenti, Otra Vez tibqa’ parteċipazzjoni li m’għandux jiġi sottovalutat.
Gatt Floridia kkummenta:“Ir-Rolex Middle Sea Race tibqa’ l-punt ewlieni tas-sena tagħna. Aħna ħerqana biex inkunu fuq il-linja tat-tluq.”
Geisha, IMX 40 ta’ Stefan Debattista, tirritorna wara kampanja b’saħħita fl-2024, meta t-tim spiċċa fit-tielet post f’IRC 5 u t-13-il post ġenerali. Debattista jżomm approċċ pragmatiku – bidliet minimi, pjan ta’ tbaħħir rfinut u fokus fuq il-ħidma tat-tim.
“Kull edizzjoni għandha l-istorja tagħha,” jgħid hu. “Għalina, kollox dwar il-vjaġġ, il-baħar u n-nies abbord.”
Parteċipant ġdid Malti, Mistral Racing MT, Sun Fast 3600, jiġbor flimkien grupp ta’ baħrin li qed jerġgħu jiskopru l-għeruq tagħhom fl-offshore. Immexxija minn Matthew Scicluna u Zach Cassar Torreggiani, l-ekwipaġġ ta’ seba’ membri – sitt Maltin u Taljan għandu aktar minn 40 parteċipazzjoni kollettiva fit-Tellieqa Rolex Middle Sea, kif ukoll esperjenza f’Rolex Fastnet, Giraglia, u tlielaq transatlantiċi. Id-debutt tagħhom fil-Yachting Malta Coastal Race tahom it-tielet post f’IRC 6, bidu promettenti għall-kampanja tagħhom.
Scicluna żied jgħid: “L-għan tagħna kien li nerġgħu nibnu tim magħqud mill-ħbiberija u l-ambizzjoni komuni. Il-Coastal Race kienet test perfett – fakkritna għaliex inħobbu ntellqu.”
Lunz am Meer: Bandiera Maltija, Wirt Globali
Lunz am Meer, mmexxija minn Steve Carter, ilha tipparteċipa fir-Rolex Middle Sea Race sa mill-2012, neqset biss minn żewġ edizzjonijiet. Il-profil tagħha jinkludi Rolex Swan Cups, Maxi Yacht Rolex Cups u rebħiet fi tlielaq klassiċi Mediterranji bħall-Les Voiles de Saint-Tropez, il-Giraglia, u t-Tre Golfi 2019. Din is-sena, Lunz am Meer se tbaħħar taħt il-bandiera Maltija b’ekwipaġġ prinċipalment Malti. It-tieni post tagħhom f’IRC 3 waqt il-Yachting Malta Coastal Race juri l-kompetittività tat-tim.
Il-Qawwa tar-Reżiljenza
Spirit of the Winds, ta’ Simon Xuereb, għamlet id-debutt tagħha fit-Tellieqa Rolex Middle Sea fl-2023. Wara ħsara kkawżata mill-maltemp fl-2024 li ġiegħlitha tirtira qabel, din is-sena Spirit of the Winds tirritorna ddeterminata li ttemm it-tellieqa.
L-istorja tagħhom tħaddan l-essenza tal-ibburdjar Malti – preparazzjoni, xogħol f’tim u kuraġġ quddiem l-inċertezza.
Wiċċ Ġdid, Passjoni Familjari
Fost l-ekwipaġġi ġodda, Noah Dimm Racing Team, First 45f5 immexxija minn Kevin Pisani Zammit, ikompli jikber wara d-debutt tal-2024.
“It-tellieqa tas-sena l-oħra mbuttatna sal-limiti tagħna,” jgħid Zammit. “Issa rritornajna b’saħħitna, lesti nitgħallmu aktar u ngawdu l-isfida flimkien.”
Vivace, Reflex 38 immexxija minn Andrew Agius Delicata u Matthew Gabriele, normalment tipparteċipa b’ekwipaġġ double handed iżda din is-sena se tbaħħar b’ekwipaġġ sħiħ. Wara r-rebħa fil-klassi tagħhom fil-Yachting Malta Coastal Race, it-tim jidħol fit-tellieqa b’kunfidenza.
“Il-prestazzjoni u x-xogħol f’tim huma inseparabbli – dak hu li jagħmel din it-tellieqa straordinarja.”
Wirt li Jibqa’
Mill-kampanji kbar ta’ Artie III u Elusive 2 sal-entużjażmu taż-żgħażagħ tal-Jarhead Young Sailors Foundation, kull jott Malti jirrappreżenta parti mill–istess nisġa nazzjon li r-rabta tiegħu mal-baħar hija profonda daqs l-ibħra li jbaħħar fihhom.
Meta jinstemgħu l-kanuni jidwu mal-Port il-Kbir, il-flotta Maltija terġa’ tħalli warajha l-mollijiet biex iddur madwar Sqallija. Kemm jekk biex ifittxu r-rebħa jew l-esperjenza, kull dgħajsa ġġorr l-istess messaġġ:
L-ispirtu Malti jibqa’ jgħix – bla biża’, magħqud u għal dejjem miġbud lejn il-baħar.