Sunday, November 24, 2024

Romelu Lukaku jiskorja l-14-il goal konsekuttiv fil-kompetizzjonijiet Ewropej

Aqra wkoll

Romelu Lukaku kiser rekord meta skorja fl-14-il logħba konsekuttiva tiegħu tal-Europa League hekk kif Roma għelbu lit-team Ċek, Slavia Prague 2-0.

Il-midfielder Edoardo Bove fetaħ l-iskor għal Roma, meta b’xutt minn barra l-kaxxa tefa’ fir-rokna ta’ fuq mill-pass ta’ Stephan El Shaarawy.

Lukaku mbagħad irdoppja l-vantaġġ għat-team Taljan hekk kif ikkonkluda fuq pass ieħor ta’ El Shaarawy.

Roma jinsabu fuq nett ta’ Grupp G bi tliet rebħiet minn tliet logħbiet.

L-ebda player ma għandu sensiela itwal f’xi kompetizzjoni Ewropea daqs Lukaku, bir-rekord tiegħu jinfirex fuq disa’ snin ma’ tliet clubs – Everton, Inter u Roma.

Ir-rekord preċedenti kien reġistrat minn Cristiano Ronaldo li skorja fi 11-il logħba taċ-Champions League wara xulxin bejn it-3 ta’ Ġunju 2017 u l-11 ta’ April 2018.

Ir-rekord ta’ Lukaku fl-Europa League jaqbeż dak stabbilit minn Alan Shearer li skorja tmien gowls konsekuttivi ma’ Newcastle United bejn it-30 ta’ Settembru 2004 u s-7 ta’ April 2005.

Sport