Ħarġet l-aħbar li Cristiano Ronaldo irrabja ma’ sħabu ta’ Manchester United waqt il-mistrieħ tal-logħba kontra Atalanta, valida mill-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League.
Sa dak il-ħin, ir-Red Devils kienu fl-iżvantaġġ ta’ 2-0 u saħansitra kienu f’pożizzjoni xejn favorevoli li setgħu jkomplu javvanzaw.
Huwa widdeb lil sħabu li dik kienet wirja inaċċettabbli u li riedu jgħollu l-logħba tagħhom fit-tieni taqsima minħabba li rebħa kienet tant imperattiva.
Hu sostna li dik il-wirja kienet tal-mistħija u ma kien xejn xieraq li jilagħbu hekk quddiem il-partitarji tagħhom stess.
Din it-twiddiba ta’ Ronaldo kellha l-impatt tagħha hekk kif United għamlu rimonta spirtuża fit-tieni taqsima li eventwalment laħqet il-qofol tagħha meta kien Ronaldo stess li skorja l-goal tar-rebħa fil-81 minuta għal 3-2 favur ir-Red Devils.