Minn Cristian Muscat
F’dinja tal-futbol fejn il-fiżika spiss saret tieħu preċedenza, Rondinely Roberto Monteiro jibqa’ jemmen bis-sħiħ fil-valur tat-teknika, il-kreattività u l-intelliġenza quddiem il-lasta.
Il-plejer offensiv Brażiljan, li bħalissa qed jilgħab mat-tim glorjuż ta’ Victoria Hotspurs fil-BOV Amateur League 1, ilu sentejn jagħti sehem importanti fl-avventura tal-klabb Għawdxi, u bil-mod il-mod sar figura rispettata kemm fuq il-grawnd kif ukoll barra minnu.
Imwieled fit-28 ta’ Marzu tal-2001 fil-Brażil, Rondinely beda l-vjaġġ tiegħu fil-futbol minn età żgħira ħafna. Kif jirrakkonta hu stess, l-ewwel passi tiegħu saru fl-akkademja prestiġġjuża ta’ Palmeiras, wieħed mill-akbar klabbs fil-Brażil. “Hemmhekk tgħallimt ħafna,” jistqarr Monteiro f’intervista li ta lil din il-gazzetta , “Dan għax kont espost għal-livell għoli ta’ dixxiplina, taħriġ professjonali u kompetizzjoni kontinwa.” Fl-akkademja ta’ Palmeiras kellu l-opportunità jilgħab f’diversi kategoriji taż-żgħażagħ, esperjenza li sawritlu l-karattru tiegħu u poġġietlu l-bażi soda għal karriera professjonali.
Wara Palmeiras, Rondinely kompla jiżviluppa l-talent tiegħu ma’ Botafogo-SP, fejn hemmhekk seta’ jagħmel il-pass lejn il-futbol professjonali. Din kienet esperjenza kruċjali għalih, mhux biss mil-lat tekniku imma wkoll mentalment. “Palmeiras u Botafogo għenuni nkabbar l-esperjenza tiegħi u tawni ċ-ċans nimxi ’l quddiem fil-karriera. Minn hemm qatt ma ħarist lura,” jgħid b’ċertezza.
Il-karriera tiegħu fil-Brażil kompliet b’diversi avventuri ma’ timijiet bħal São Bernardo, VOCEM u Nova Mutum, fejn f’xi każijiet kellu wkoll esperjenzi ta’ self li komplew isaħħulu l-maturità f’dan l-isport. Dawn l-esperjenzi kollha għenuh jadatta għal stili differenti ta’ logħob u jifhem aħjar ir-realtajiet varji tal-futbol professjonali.
Pass importanti ieħor fil-karriera tiegħu wasal meta ħa d-deċiżjoni li joħroġ minn pajjiżu u jmur jilgħab fl-Ewropa. Id-destinazzjoni kienet il-Ġermanja, fejn ingħaqad ma’ Bövinghausen. “Din kienet l-ewwel darba li lgħabt fl-Ewropa wara snin fil-Brażil,” jgħid Monteiro. “Il-futbol fil-Ġermanja hu ferm fiżiku, iżda fl-istess ħin tekniku. Ma kinitx faċli għall-ewwel, imma bil-mod il-mod bdejt nadatta u nirranġa.”
Fl-2024 wasal il-pass li wasslu lejn il-gżejjer Maltin, meta Victoria Hotspurs avviċinawh u offrewlu l-opportunità li jingħaqad magħhom. Deċiżjoni li ma ddispjaċihx li għamilha. “Il-klabb laqagħni ħafna mill-ewwel mument. Ma kinitx faċli nidħol f’ambjent ġdid, iżda l-kumitat ħadem qatigħ biex jagħmilli l-ħajja iktar faċli,” jgħid hu. Illum il-ġurnata, Rondinely jħossu parti integrali minn dan it-tim li għandu storja u tradizzjoni qawwija fil-futbol Għawdxi.
Element li għenu jadatta aktar malajr kien il-fatt li fit-tim hemm ukoll Brażiljan ieħor, Wagner Eduardo. “Aħna ngħinu lil xulxin ħafna. Meta jkollok plejer minn pajjiżek stess miegħek, kollox isir iktar faċli,” jispjega. Din ir-relazzjoni tajba tidher ukoll fil-grawnd, fejn il-kimika bejn il-plejers hija essenzjali għas-suċċess.
Barra mill-futbol, Rondinely japprezza ħafna l-ħajja f’Għawdex. Jiddeskrivih bħala post sabiħ, kwiet u sigur. Fost il-passatempi tiegħu hemm il-baħar, speċjalment minħabba l-bajjiet sbieħ tal-gżira, kif ukoll li jqatta’ ħin mat-tfajla tiegħu, kemm jekk f’ristorant tajjeb kif ukoll waqt mixjiet ħdejn il-baħar.
Fir-rigward tal-kampjonat Malti, Monteiro jqisu bħala wieħed kompetittiv u differenti minn dak li kien imdorri bih fil-Brażil. “Hemm differenza kbira, speċjalment il-fatt li ħafna logħob jintlagħab fuq grawnds sintetiċi, meta jien iktar imdorri fuq ħaxix naturali,” jgħid. Madankollu, jemmen li hu u t-tim tiegħu qed jimxu fit-triq it-tajba u li għad hemm lok għal titjib.
Hu jemmen li dan il-kampjonat tal-BOV Amateur League 1 xejn m’hu faċli speċjalment meta t-timijiet huma kollha armati. Kien hemm telfiet iżda t-tim qatt ma qata’ qalbu u hawn ifaħħar lill-plejers sħabu li qatt ma qatgħu qalbhom u dejjem kellhom il-motivazzjoni biex jagħmlu aħjar.
Il-ħolma kbira tiegħu tibqa’ waħda ċara: li jikseb il-promozzjoni għall-BOV Challenge League ma’ Victoria Hotspurs. “Nixtieq inkompli niskorja gowls importanti u jkun sabiħ ħafna li fit-tieni sena tiegħi nilħqu l-objettivi tagħna,” jistqarr.
Rondinely Monteiro jsemmi wkoll b’mod pożittiv lill-kumitat ħabrieki ta’ Victoria Hotspurs immexxi mill-president Dr Anton Tabone kif ukoll it-team manager Marvin Buttigieg u l-membri l-oħra tal-klabb li jaraw li ma jkun jonqoshom xejn bħala plejers. Hu jgħid ukoll li l-ewwel xhur ma kinux faċli sakemm jadatta għar-realta’ l-ġdida tiegħu.
Minkejja kollox, l-istess membri tal-klabb għamlulu l-ħajja tiegħu faċli u dan ġie tradott fil-grawnd hekk kif qed jiskorja gowls kruċjali fejn flimkien mal-iskorer prolifiku Kurt Borg jifforna attakk letali quddiem il-lasta.
Fl-aħħar nett, Rondinely jibgħat messaġġ ċar lill-partitarji: ringrazzjament sinċier għas-sapport kontinwu tagħhom. “Nara dedikazzjoni kbira mingħandhom. Ejja niksbu l-promozzjoni flimkien,” jikkonkludi b’ottimiżmu.
Rondinely Monteiro jibqa’ eżempju ta’ kif it-talent, flimkien ma’ umiltà u dedikazzjoni,
jista’ jħalli impatt pożittiv anke ’l bogħod minn art twelidu f’dan il-każ, fil-qalba tal-futbol Għawdxi ma’ Victoria Hotspurs.



