Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar permezz tal-midja soċjali kkundannat l-attakki omofobiċi u transfobiċi li qed isiru fil-konfront tal-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss Angela Coleiro.
Coleiro hija l-ewwel mara trans-gender li se tkun qed tikkontesta elezzjoni ġenerali. Madankollu hija sfat fil-mira ta’ individwi li fuq il-midja soċjali attakkawha anke b’mod personali.
L-attakki fil-konfront ta’ Coleiro komplew jiħraxu matul il-jum tal-bieraħ hekk kif din indirizzat attività politika fiż-Żurrieq.
“Nikkundanna bla riservi l-kliem dispreġattiv, sessist u omofobiku li xi wħud qed jogħġobhom idawru fil-konfront ta’ Angela Coleiro, kandidata LGBTIQ f’isem il-Partit Nazzjonalista. M’aħniex niggustawkom u lanqas nitbissmu,” tenniet Cutajar f’messaġġ fuq il-midja soċjali.
“Dan id-diskors ma jagħmilx ġieħ lill-Partit Laburista u wisq inqas lill-Gvern li ħadem qatigħ biex pajjiżna jkun fl-ewwel post f’dawk li huma drittijiet ċivili. U ħaġ’oħra, ejja naqtgħuha din li ngħajru prositituta lil kull mara li ma naqblux magħha. Disservizz kbir lejn dawk in-nisa li jaspiraw li jidħlu fil-politika,” temmet tgħid Cutajar.