Friday, December 13, 2024

ROTI: It-team tas-Super Aguri fil-Formula Wieħed

Aqra wkoll

Minn Jordy Brincat

It-tim ta’ Super Aguri F1 kien ħa sehem fil-kampjonat tal-Formula Wieħed bejn is-sena 2006 u l-2008. Dan it-tim kien ġie mwaqqaf mill-ex sewwieq tal-Formula wieħed il-Ġappuniż, Aguri Suzuki. Il-bażi kienet minn ġewwa Tokyo però kien qed jopera mill-ex fabbrika tat-tim tal-Arrows minn ġewwa Leafield l-Ingilterra. It-tim ħa l-isem ta’ Super Aguri Honda, u kien qed iservi bħala l-‘B’ tim tal-Honda. Wara li dawn ħadu sehem għal sentejn u erba’ xhur fil-Formula 1 dawn irtiraw għal kollox wara li ħadu sehem f’erba’ tiġrijiet fl-istaġun 2008 wara problemi finanzjarji. It-tim ħa sehem f’39 tiġrija u akkwista biss erba’ punti. Dawn ġew kollha miksuba minn Takuma Sato fl-istaġun 2007.

Il-Honda kienu xtraw lit-tim tal-Bri­tish American Racing (BAR) fl-aħħar tal-2005. Huma żammew lis-sew­wieq Ingliż Jenson Button bħala dak ewlieni, però neħħew lil Takuma Sato sabiex iffirmaw lill-veteran Rubens Barrichello. Fit-tieni staġun tiegħu mal-BAR, fl-2005, Sato kien kiseb biss punt wieħed biss. Fil-Ġappun kien hemm pressjoni mill-pubbliku biex il-Honda jgħinu lil Sato jkompli l-karriera tiegħu fil-Formula 1. Dan kien influwenti sabiex jinħoloq il-proġett tas-Super Aguri F1 Team, u li finalment ikollhom il-magni Honda.

L-ewwel diskussjonijiet li kienu saru sabiex jifforma dan it-tim kien fi Frar 2005, però kellu jkun sa Settembru tal-istess sena li l-pjani bdew jimmaterjalizzaw. It-tim tiegħu rreġistra sabiex jidħol fil-Kampjonat tal-Formula wieħed fl-1 ta’ Novembru. Madankollu, wara li ġiet ippublikata l-lista tat-timi­jiet li se jieħdu sehem, fi stqarrija uffiċjali l-FIA ħabbret li ma kinetx approvat dan it-tim għall-kampjonat 2006. Dan wara li t-tim ma ppreżentax l-ammont ta’ $48 miljun li jservu bħala bond tad-dħul fil-ħin. It-tim reġa’ applika mill-ġdid fl-2006 u sadanittant kompla jipprepara l-karozzi tiegħu għall-istaġun li jmiss. Meta fallew l-ewwel reġistraz­zjoni, it-tim ried li jikkonvinċi lill-għaxar timijiet oħra sabiex jaqblu li jitħallew jipparteċipaw. Fil-bidu, it-tim tal-Midland, kien qed joġġezzjona minħabba r-riskju li dawn tal-aħħar jonqsilhom id-dħul finanzjarju mit-televiżjoni. Imma eventwalment it-tim ingħata l-permess bi ftehim unanimu sabiex ikun ikkonfermat mill-FIA, fis-26 ta’ Jannar 2006.

KAMPJONAT 2006

Għal din is-sena, il-karozzi użaw il-magni Honda RA806E 2.4 V8 b’tyres Bridgestone. Il-karozza SA05, kienet verżjoni aġġornata tal-Arrows A23 li ħadu sehem biha fl-2002. Din inxtart mingħand Paul Stoddart, ex kap tal-Minardi li kien akkwista mingħand l-istess Arrows. Intant, l-oriġini tal-vettura kif ukoll l-infrastrutura u l-bażi tagħha kollha ġew mill-Arrows u taħt id-direzzjoni ta’ Mark Preston li ġab miegħu diversi mekkaniċi mill-Arrows stess. It-tim kien ħabbar li l-pjan kien li jibni l-karozza tiegħu stess matul il-kors tal-kampjonat – però dan il-pjan qatt ma wasal biex jimmaterjalizza. Minflok, kien aġġorna l-vettura l-antika u ħadet l-isem ta’ SA06. Dawn l-iżviluppi dehru sew mit-tiġrija tal-Ġermanja ‘l quddiem.

Intant, is-sewwieqa Ġappuniżi Takuma Sato u Yuji Ide bdew il-kampjonat bi Franck Montagny jiġi kkonfermat bħala s-sewwieq ta’ riserva. Kien hemm tħassib dwar l-għażla ta’ Ide minħabba l-fatt li kien l-ixjeħ rookie (31 sena) li qatt iddebutta fil-Formula 1. Huwa kellu wkoll nuqqas kbir ta’ esperjenza f’tiġrijiet Ewropej u lanqas kien jaf jitkellem bl-Ingliż. Madankollu, Aguri Suzuki ried li jagħti promozzjoni lit-talent Ġappuniż. Wara erba’ tiġrijiet, it-tim ħabbar li Montagny ħa post Ide fit-tiġrija ta’ ġewwa l-Ewropa wara li dan tal-aħħar kellu s-Super Licence revokata minħabba inċident ma’ Christijan Albers. It-tim irnexxielu jagħmilha għall-ewwel tiġrija tal-istaġun. Ġewwa l-Bahrain Sato spiċċa t-tiġrija filwaqt li Ide kellu jieqaf bi problemi mekkaniċi. Suzuki stqarr li din it-tiġrija serviet bħala sessjoni ta’ taħriġ għat-tim wara li waqt il-provi ta’ qabel l-istaġun kull ma saru kienu biss għaxar dawriet. It-tielet tiġrija ġewwa l-Awstralja kienet l-ewwel waħda fejn iż-żewġ piloti spiċċaw it-tiġrija. Fl-10 ta’ Mejju tal-istess sena, l-FIA Permit Office irrevoka s-Super Licence ta’ Yuji Ide u għalhekk dan kien kostrett milli jipparteċipa f’tiġrija minn tal-inqas sal-istaġun 2007. Montagny ħa post Ide, bil-Ġappuniż Sakon Yamamoto jsir it-tielet sewwieq ta’ Super Aguri.

Meta t-tim aġġorna l-karozza SA06 għall-ewwel darba waqt it-tiġrija ġewwa l-Ġermanja, din impressjonat meta dawn waqt is-sessjoni ta’ kwalifiki qabżu lil dak tal-Midland, però ma spiċċawx it-tiġrija. Il-progress tat-tim baqa’ juri biċ-ċar meta Sato spiċċa t-tiġrija tal-Brażil fl-għaxar post waqt li Yamamoto, li ħa post Montagny, għamel is-seba’ l-iżjed dawra veloċi waqt it-tiġrija.

KAMPJONAT 2007

Diversi rapporti bdew jindikaw li dan it-tim kien se juża ic-chassis tal-karozzi Honda li ħa sehem bihom fl-2006. Din ġabet resistenza qawwija mit-timijiet rivali tal-Williams u Sypker (li kienu Midland fl-2006) wara li dawn it-tnejn qalu li kienet tmur kontra r-regola tal-Formula 1. Fil-ftehim tal-Concorde hemm imniżżel li l-ebda parti ma tinbena kompletament minn tim ieħor li qed jieħu sehem fil-Formula 1. Super Aguri, flimkien mal-iScuderia Toro Rosso u Red Bull Racing, kienu kisru din ir-regola. L-FIA ma kella l-ebda kontroll u awtorità sabiex tieħu azzjoni fuq xi ħaġa li hemm fil-ftehim tal-Concorde. Dan il-każ kellu jitressaq quddiem il-Qorti. Kemm Super Aguri kif ukoll Red Bull saħqu li huma kienu f’konformità mar-regoli ta’ dan l-isport.

F’Novembru 2006, it-tim kien ħabbar li Takuma Sato flimkien mal-Ingliż Anthony Davidson (ex-pilota ta’ riserva mal-Honda) kienu se jsuqu għat-tim fl-2007. Ma dawn ingħaqad l-Olandiż, Giedo Van Der Garde, bħala t-tielet sewwieq. Però Van Der Garde ħalla lit-tim qabel ma beda l-kampjonat sabiex jingħaqad mal-Spyker. Postu ħadu l-ex sewwieq tat-tim Sakon Yamamoto.

It-tim sofra daqqa ta’ ħarta meta l-karozza falliet mill-ewwel testijiet tal-FIA. It-tim kixef il-karozza 48 siegħa qabel l-ewwel sessjoni ta’ provi għat-tiġrija ġewwa l-Awstralja. Għal din it-tiġrija, kemm Sato u kif ukoll Davidson, impressjonaw lil ħafna nies meta kwallifikaw fl-10 u l-11-il post rispetivament. Dan kien l-aqwa riżultat waqt il-kwalifikazzjoni għal dan it-tim meta sa dakinhar kien Takuma Sato li kiseb l-aħjar post – 17-il pożizzjoni. Sato spiċċa fit-12-il post fi tmiem it-tiġrija waqt li Davidson kellu inċident ma’ Adrian Sutil tal-iSpyker fl-ewwel dawra. Għalkemm sofra xi ftit uġiegħ, hu spiċċa t-tiġrija fis-16-il post.

Ftit ġranet qabel din it-tiġrija, it-tim ħabbar lid-ditta SS United Group Oil & Gas Company bħala l-isponsors prinċipali tat-tim li ffirma wkoll mad-ditta Speakerbus sabiex dawn jipprovdu t-telekomunikazzjoni tat-tiġrija lill-istess tim.

Fi tmiem it-tiġrija ġewwa Spanja, it-tim spiċċa fiż-żona punti għall-ewwel darba! Huwa spiċċa fit-tmien post u għalhekk kiseb l-ewwel punt tiegħu għat-tim. Sato ħa vantaġġ mill-fatt li t-timijiet bħal Ferrari, BMW Sauber, Toyota u Williams ma spiċċawx it-tiġrija. Ġewwa l-Kanada, t-tim kiseb l-aqwa riżultat fl-istorja tiegħu meta spiċċa fit-tmien post. Sato spiċċa fis-sitt post u għalhekk kiseb tliet punti. Waqt it-tiġrija, Sato qabeż lil Alonso wkoll. Fuq l-istazzjon ITV, kienu rrimarkaw li kieku mhux għax dam fil-pits, Sato seta’ jispiċċa fir-raba’ post. Davidson ukoll kien se jispiċċa fil-punti kieku mhux għal ‘gopher’ li qasamlu fuq iċ-ċirkwit u spiċċa jidħol fil-pits bil-konsegwenza li  spiċċa barra miz-zona tal-punti. Wara t-tiġrija ġewwa l-Ewropa, t-tielet sewwieq Sakon Yamamoto ffirma mal-iSpyker sa tmiem l-istaġun. Huwa ħa post Christijan Albers.

It-tim spiċċa l-klassifika finali fid-disa’ post quddiem it-timijiet tal-iSpyker u dak tal-Mclaren Mercedes. Dawn tal-aħħar spiċċaw l-aħħar post minħabba li ġew skwalifikati.

KAMPJONAT 2008

Is-Super Aguri kkonfermaw lis-sewwieqa Takuma Sato u Anthony Davidson għal dan l-istaġun. Magma grupp għamlu akkwist ta’ parti mit-tim li kien ħabbar li se jikxef il-karozza SA08 ġewwa Barċellona, fi 12 ta’ Frar, però kien ħabbar li ppospona din id-data għal ġurnata oħra li għad trid tiġi mħabbra minħabba nuqqas ta’ ċertezza tat-tim. It-tim ma pparteċipax fil-provi ta’ qabel l-istaġun għall-fatt li ċertu parts kienu ma waslux. Il-grupp Magma irtiraw il-ħsieb li jieħdu parti  qabel ma beda l-kampjonat, deċiżjoni li ħalliet il-futur ta’ Super Aguri nċert għall-aħħar.

It-team telaq lejn Barċellona, bl-għajnuna finanzjarja ta’ Bernie Ecclestone. Ġewwa t-Turkija, it-tim ma tħalliex jidħol fiċ-ċirkwit wara li s-CEO tal-Honda tkellem mal-organizzaturi tat-tiġrija li Super Aguri ma kienux se jieħdu sehem. Fis-6 ta’ Mejju, Aguri Suzuki ħabbar li t-tim kien se jirtira mill-kampjonat ta’ din is-sena mmedjatament minħabba problemi finanzjarji. Għal dan l-istaġun huma tilfu ammont ta’ dħul finanzjarju mill-SS United Group meta ma komplewx jisponsorjaw lil dan it-tim.

L-assi tat-tim inxtaw min-negozjant Franz Hilmer, meta dan applika sabiex jidħol jieħu sehem fil-Formula 1 fl-2010 taħt l-isem ta’ Brabham. Però din ma ġietx aċċetata. Il-propjetà tat-tim għadha ta’ Franz Hilmer sal-lum il-ġurnata.

Ekonomija

Sport