Sunday, December 22, 2024

Round-up tal-14-il ġurnata taċ-Challenge League

Aqra wkoll

Fl-14-il ġurnata ċ-Challenge League Grupp A għandu leaders ġodda hekk kif Naxxar Lions qabżu waħedhom fl-ewwel post grazzi għar-rebħa ta’ 3-1 fuq Lija Athletic filwaqt li fi Grupp B, Zebbug Rangers intlaħqu minn Pietá Hotspurs għax filwaqt li huma spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Tarxien Rainbows, il-Hotspurs għelbu lil Luqa St Andrew’s bl-iskor kbir ta’ 5-0. 

GRUPP A

Lija A. v Naxxar L. (1-3) – B’Pembroke Athleta jkunu bye, Naxxar Lions approfittaw u għelbu lil Lija Athletic bl-iskor ta’ 3-1 biex telgħu f’ras il-klassifika b’partita aktar. 

B’hekk huma kisbu double fuq l-istess Athletics wara li fl-ewwel round kienu rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0. 

Il-Lions fetħu vantaġġ ta’ tliet goals mill-Urugwajan Gaston Poncet Otero (9), is-Senegaliż Dimitri Kassekar (43) u Ryan Gilmour Cassar (64) filwaqt li Kurt Borg (71) wieġeb għal Lija mill-11-il metru. 

San Gwann v Zejtun C. (0-0) – Zejtun Corinthians ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn San Gwann biex ħadu skoss qaw­wi fit-tentattiv li jkom­plu jisfidaw għall-promoz­zjoni. 

Dan kien it-tieni draw staġjonali ta’ 0-0 li nċidentalment l-ieħor wasal kontra l-istess San Gwann fl-ewwel round li b’dan ir-riżultat baqgħu fil-periklu li jistgħu jinqabdu fit-taqtiegħa tar- relegazzjoni. 

Rabat A. v Marsaxlokk   (1-2) – Marsaxlokk dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Rabat Ajax bl-iskor ta’ 2-1 biex din kienet ir-raba’ waħda minn ħames logħbiet. 

Għalkemm fil-football kollox jista’ jseħħ, iċ-ċansi­jiet ta’ Marsaxlokk għall-promozzjoni huma xi ftit remoti hekk kif immaturaw kemm­xejn tard f’dan il-kampjonat.

Min-naħa ta’ Rabat, din kienet it-tielet telfa nfila bil-biżgħa li jistgħu jitilfu posthom hekk kif jinsabu fiż-żona l-ħamra fil-post ta’ qabel l-aħħar. 

Iż-żewġ goals tax-Xluk­kaj­ri waslu fit-tieni taqsima mill-Arġentin Augusto Ca­­-s­eres (71) u Terence Vella (45 pen) wara li Larens Vella (40) fetaħ l-iskor għar-Rabtin li nċidentalment kien skorja għat-team tiegħu kontra l-istess Marsaxlokk fid-draw ta’ 1-1 fl-ewwel round. 

Mqabba v Melita (3-2) – Melita naqsu li jitilgħu fir-raba’ post tal-klassifika meta sfaw megħluba bl-iskor ta’ 3-2 minn Mqabba li min-naħa tagħhom irritor­naw għar-rebħ wara żewġ draws biex tbiegħdu miż-żona l-ħamra. 

L-Imqabbin fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals mit-Taljan Gabriel Mannino (41) u Ronald Melo Costa (50) iżda Jean Pierre Attard (51) u Matthew Debattista (68) kisbu d-draw għal Melita. 

Madankollu, is-Serb Lu­ka Mijic (71) skorja l-goal tar-rebħa għal Mqabba … biex skorja l-11-il goal tiegħu dan l-istaġun … medja ta’ goal għal kull partita li lagħab.  

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 0-0.

St George’s v Vittoriosa S. (1-2) – F’konfront min-naħa t’isfel tal-klassifika, Vittoriosa Stars rebħu d-derby tal-Kottonera fuq St George’s bl-iskor ta’ 2-1 biex għamlu pass kbir lejn is-salvazzjoni filwaqt li l-Bormliżi baqgħu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika.

B’hekk il-Ġirbin għamlu double wara li fl-ewwel round kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1. 

Kien Gianluca Sultana (9 pen) li fetaħ l-iskor għal St George’s, iżda n-Niġerjan Ebenezer Tejumola (26 pen) u s-sostitut Denilson Borg Castaldi (80) dawru r-riżultat favur Vittoriosa. 

GRUPP B

Tarxien R. v Zebbug R.  (1-1) – Fl-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa, Tarxien Rainbows salvaw il-logħba fil-95 minuta biex temmew fi draw ta’ 1-1 kontra l-leaders Zebbug Rangers li ntlaħqu minn Pietá Hotspurs.

Filwaqt li din kienet it-tielet draw infila għar- Rainbows, dan ir-riżultat waq­qaf sensiela ta’ tliet reb­ħiet għar-Rangers.

Kien is-Serb Stanmir Miloskovic (80) li fetaħ l-iskor għaż-Żebbuġin … u meta deher li kienu se jieħdu t-tliet punti … proprju fl-aħħar az­zjoni tal-partita, fil-ħin miżjud, il-Brażiljan Wellington de Oliveira, kiseb id-draw għar-Rainbows.   

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet ukoll spiċċaw fi draw … bl-iskor ta’ 2-2.

Pietá H. v Luqa SA (5-0) – Pietá Hotspurs kisbu l-akbar rebħa tal-ġurnata meta għelbu lit-team ta’ qiegħ il-klassifika Luqa St Andrew’s bl-iskor ta’ 5-0 biex telgħu jaqsmu l-ewwel po­żizzjoni ma’ Zebbug Ran­gers. 

Inċidentalment, l-unika reb­ħa tal-Luqin f’dan l-is­taġun kienet waslet fl-ew­wel round kontra l-istess Pie­taniżi bl-iskor ta’ 2-0. 

Il-goals tal-Hotspurs waslu minn żewġ doppjetti ta’ Temitope Abdul Abdeen (28, 40) u James Scicluna (63, 89) bil-goal l-ieħor jasal mill-Ġappuniż Teppei Iida (51). 

Swieqi U. v Senglea A.  (1-0) – F’partita kumbattuta, Swieqi United għelbu lil Senglea Athletic bl-iskor ta’ 1-0 biex irrepetew is-suċċess tal-ewwel round bl-istess skor. 

Din kienet l-ewwel rebħa għal Swieqi wara sensiela ta’ erba’ draws filwaqt li kienet l-ewwel telfa għal Senglea wara tliet draws infila.

L-uniku goal wasal wara biss żewġ minuti minn Alan Schembri Wismayer. 

Mgarr U. v Qrendi (2-2) – Mgarr United u Qrendi spiċ­ċaw fi draw ta’ 2-2 wara li fl-ewwel round il-Qrendin kie­­nu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1. 

Kien Ian Zammit (5, 66) li skorja għall-Qrendin, li wkoll kienu l-ewwel goals tiegħu f’dan l-istaġun, filwaqt li l-Brażiljan Samuel Saldanha (6) u n-Niġerjan Umeh Calistus Uchenna (42) wieġbu għall-Imġarrin li baqgħu fil-periklu tar-relegazzjoni. 

Fgura U. v St Andrew’s (2-5)– F’partita mill-aktar pjaċevoli, St Andrew’s għelbu lil Fgura United bl-iskor ta’ 5-2 … biex l-istess Saints laħqu lil Fgura u nqalgħu mill-periklu. 

Il-goals tagħhom waslu mill-Brażiljan Andre De Melo Lima (32, 34), Zak Muscat (51), il-Ġappuniż Kei Sano (59) u l-Kolumbjan Santiago Martinez (85). Iż-żewġ goals ta’ Fgura waslu mill-Brażiljan Rafael Prudente (54, 68).  

Ekonomija

Sport