Minn Maria Azzopardi
Milied b’differenza. Hekk se nkunu qed ngħixu din is-sena iżda Milied ieħor jasal u għad nerġgħu nivvjaġġaw u nagħmlu dak li normalment konna nagħmlu. Mistoqsija fuq fomm bosta tfal… ġej Santa Klaws din is-sena? Ir-risposta hija iva u proprju f’dawn il-paġni llum se nitkellmu fuq post partikolari li jinsab ġewwa Rovaniemi – dak tal-villaġġ ta’ Santa Klaws, personaġġ famuż u tipiku marbut ma’ dawn iż-żminijiet. Nammettu li sew maż-żgħar u kemm mal-adulti li għadhom jemmnu fl-ispirtu maġiku tal-Milied, dan il-personaġġ għadu popolari ħafna li huwa wkoll ambaxxatur ta’ rieda tajba, imħabba u paċi. F’dawn il-paġni ssibu ftit informazzjoni dwar dan il-villaġġ kif ukoll messaġġ mibgħut proprju minn Santa Klaws. Nawguralkom il-Milied it-tajjeb u sena ġdida mimlija b’dak kollu li tixtiequ.
Il-villaġġ ta’ Santa Klaws jinsab f’Rovaniemi li hija l-kapitali tal-provinċja l-aktar fit-tramuntana tal-Finlandja, Lapland, u hija magħrufa wkoll mad-dinja kollha bħala l-belt ta’ Santa Klaws. Aktar minn 2.5% tar-residenti tal-belt għandhom ċittadinanza barranija (ċifra sa 31 ta’ Diċembru 2017) u n-numru totali ta’ nazzjonalitajiet differenti jaqbeż id-90 (sa Diċembru 2017). Kull sena Rovaniemi jżuruha aktar minn nofs miljun vjaġġatur.
Fortunatament, il-villaġġ ta’ Santa Klaws jinsab biss erba’ minuti mill-ajruport u dan il-villaġġ huwa miftuħ is-sena kollha. Santa Claus Village huwa villaġġ bil-kumditajiet kollha li wieħed jixtieq. Tista’ tagħżel minn varjetà ta’ akkomodazzjonijiet maġiċi, idduq ikel delizjuż f’ristoranti u kafetteriji lokali, tagħżel xi attività li jkun hemm ta’ kuljum u naturalment tista’ taffaxxina ruħek bil-maġija tal-Milied is-sena kollha.
Rovaniemi kienet meqruda kważi kompletament fit-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-1950, Eleanor Roosevelt, il-mara tal-President tal-Istati Uniti Franklin D. Roosevelt, marret iżżur Rovaniemi biex tara l-proċess tal-bini mill-ġdid. Hija riedet iżżur iċ-Ċirku Artiku, u l-uffiċjali ta’ Rovaniemi b’ħeffa bnew kabina tmien kilometri fit-tramuntana tal-belt. Il-kabina mmarkat it-twelid tal-villaġġ ta’ Santa Klaws u għadha hemm illum ħdejn l-Uffiċċju Prinċipali tal-Posta ta’ Santa Klaws.
Santa Klaws ilu jirċievi viżitaturi f’Rovaniemi mill-1985 u fl-2019 Rovaniemi rċieviet l-istatus ta’ Belt uffiċjali ta’ Santa Klaws fl-2010. Din is-sena Santa Klaws fetaħ l-istaġun tal-Milied 2020 virtwalment, nhar is-Sibt, 7 ta’ Novembru 2020. Minkejja ż-żminijiet inċerti, il-villaġġ ta’ Santa Klaws jopera b’mod normali, l-attrazzjonijiet huma miftuħa, u tista’ tiltaqa’ ma’ Santa Klaws fl-uffiċċju tiegħu.
Affarijiet sbieħ li tista’ tagħmel f’dan il-villaġġ u l-madwar
Iltaqa’ ma’ Santa Klaws fl-Uffiċċju tiegħu
L-Uffiċċju ta’ Santa Klaws, li jinsab fil-qalba tal-Villaġġ ta’ Santa Klaws f’Rovaniemi fil-Finlandja, ilu miftuħ mill-1992. Eluf ta’ nies ta’ kull età minn kull rokna tad-dinja żaru lil dan ix-xwejjaħ ferrieħi fl-uffiċċju tiegħu. Jekk tixtieq tifkira ta’ din il-laqgħa mill-isbaħ, l-elfi tiegħu jistgħu jiġbdulek ritratti u filmati hekk kif tiltaqa’ ma’ Santa Klaws.
Kont taf?
Santa Klaws jirċievi aktar minn nofs miljun ittra kull sena fl-uffiċċju postali! Jekk tixtieq, tista’ żżur l-uffiċċju prinċipali tal-posta ta’ Santa Klaws u tibgħat il-kartolini tal-Milied tiegħek bit-timbru speċjali taċ-Ċirku Artiku li hija xi ħaġa li mhux se ssib x’imkien ieħor. Tista’ wkoll tħalli l-kartolini u l-pakketti tal-Milied tiegħek mal-elfi kull jum tas-sena – u jintbagħtu eżatt qabel il-Milied.
Aqsam il-linja maġika taċ-Ċirku Artiku
F’Rovaniemi, iċ-Ċirku Artiku jgħaddi mill-villaġġ ta’ Santa Klaws, li jinsab tmien kilometri fit-tramuntana taċ-ċentru tal-belt, fejn huwa mmarkat b’mod ċar. Il-villaġġ ta’ Santa Klaws f’Lapland huwa post popolari biex taqsam iċ-Ċirku Artiku: hawn il-linja hija mmarkata u tista’ anki tikseb ċertifikat li jikkonferma li qsamt minn fuq din il-linja.
Minkejja l-kundizzjonijiet kemxejn ħorox tagħha, aktar minn 4 miljun persuna jsejħu r-reġjun Artiku bħala d-dar tagħhom. Iċ-Ċirku Artiku jinkludi partijiet mill-Istati Uniti, ir-Russja, il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Islanda, Greenland, u n-Norveġja. Fatt ieħor interessanti huwa li l-kelma ‘Arctic’ hija derivata mill-Grieg – Arktos li tfisser ors u tirreferi mhux għall-orsijiet polari indiġeni tar-reġjun, iżda għall-kostellazzjoni li fiha l-Istilla tat-Tramuntana, l-Ursa Minuri.
Irkeb fuq l-islitta ta’ Santa Klaws
Santa Klaws mhu xejn mingħajr iċ-ċerva tiegħu li tgħinu biex imur minn post għall-ieħor u fil-fatt f’dan il-villaġġ hija wkoll protagonista. Jekk tixtieq vjaġġ mhux tas-soltu, tista’ tmur fil-bitħa ta’ wara l-uffiċċju ta’ Santa Klaws u tirkeb fuq l-islitta. Żgur u mhux forsi li din hija esperjenza li mhux ta’ min jitlifha!
Iltaqa’ mill-qrib ma’ kważi 100 huskies siberjani
Il-Husky Park, li ilu jopera ħdejn il-villaġġ ta’ Santa Klaws għal bosta għexieren ta’ snin, għandu kważi 100 huskies siberjani tassew sbieħ li jgħixu fl-ambjent naturali. Dan il-Park huwa miftuħ kuljum matul is-sena. Fis-sajf tista’ tagħmel hike ma’ dawn il-klieb meraviljużi filwaqt li fix-xitwa tista’ tmur fuq slitta adekwata biex tagħmel safari filwaqt li tiġi miġbud minn dawn il-klieb.
Titħajjar toqgħod ġewwa s-Snow Hotel?
Hija tassew xi ħaġa innovattiva li tista’ toqgħod ġewwa lukanda minqux mill-borra u anke jekk ma tixtieqx toqgħod hawnhekk, il-post fih innifsu huwa attrazzjoni. Fuq is-sit ta’ Rovaniemi jingħad li l-borra hija materjal tajba għall-kostruzzjoni, xi ħaġa li tkun tista’ tara u tħoss inti stess ġewwa din il-lukanda.
Apparti minn hekk, wieħed jista’ jagħżel opportunità unika oħra – dik li joqgħod ġewwa igloo magħmulha mill-ħġieġ li mhux biss tippermettilek li tammira l-maġija tal-istilel, u jekk tkun fortunat anke l-famużi Northern Lights, iżda żgur li din se tkun esperjenza oħra indimentikabbli. Dawn iż-żewġ attrazzjonijiet jinsabu fuq iċ-Ċirku Artiku u madwar 26 kilometru mill-belt ta’ Rovaniemi.