Saturday, September 14, 2024

Ruben Neves jingħaqad ma’ Al-Hilal għal somma rekord

Aqra wkoll

Wolverhampton Wanderers biegħu lill-captain Ruben Neves lill-club tal-Arabja Sawdija, Al-Hilal, għas-somma rekord tal-club ta’ £47 miljun.

Il-midfielder tal-Portugall ta’ 26 sena kien fadallu sena oħra fil-kuntratt u telaq minn Molineux wara sitt staġuni.

Neves huwa l-aħħar player ta’ isem kbir li ħalla club Ewropew għas-Saudi Pro League wara li Karim Benzema ħalla lil Real Madrid biex jingħaqad mal-eks sieħbu, Cristiano Ronaldo, li ilu fis-Sawdi minn Jannar, waqt li l-midfielder N’Golo Kante se jingħaqad mal-kollega Franċiż, Benzema, aktar kmieni fil-ġimgħa.

Il-goalkeeper ta’ Chelsea, Edouard Men­dy, huwa viċin li jiffirma ma’ Al Ahli u l-midfielder Portugiż ta’ Manchester City, Bernardo Silva, huwa fil-mira ta’ Al-Hilal.

Fi tmiem l-istaġun Neves qal li huwa ambizzjuż fost interess minn Barcelona, iżda biċ-champions ta’ La Liga ma kienux kapaċi jippreżentaw offerta aċċettabbli u Neves għażel l-Arabja Sawdija.

Is-somma mħallsa minn Al-Hilal taqbeż il-£41 miljun li Wolves irċevew għal Diogo Jota meta sieħeb lil Liverpool fl-2020.

Hija wkoll l-akbar somma mħallsa min-naħa tas-Saudi Pro League, li xxejjen dik ta’ £15.4 miljuni li ħadet lil Matheus Pereira minn West Bromwich għal Al-Hilal fl-2021.

Neves, li għen lil Wolves jirbħu l-promozzjoni miċ-Championship fl-2017-18 u wara jikkonsolidaw posthom fil-Premier League, iddeskriva ż-żmien tiegħu f’Molineux bħala “vjaġġ inkredibbli” f’ittra miftuħa lill-partitarji tal-club.

Huwa qal: “Il-mod kif ħdimna flimkien, il-mod kif issielitna għall-club, dak li ksibna u l-mumenti kollha li qattajna flimkien kien xi ħaġa li ma titwemminx.

“M’hemmx kliem biex infisser id-dressing room tagħna, bi spirtu ta’ team li qatt qabel ma esperjenzjajt. U wara li nsir il-captain għall-aħħar sena għamlitni tant kburi.

“It-tfal tiegħi trabbew f’Wolverhampton u konna tant kuntenti hawnhekk. Jien u l-mara sabiħa tiegħi qatt m’aħna se ninsew iż-żmien li kellna hawn bħala familja.”

Matul żmienu fil-club tal-West Midlands, Neves lagħab 253 logħba li fihom skorja 30 goal wara li ngħaqad mingħand Porto fl-2017.

Id-direttur sportiv ta’ Wolves, Matt Hobbs, iddeskriva lil Neves bħala wieħed mill-aqwa players li Wolves qatt kellhom.

“Ruben huwa l-inkarnazzjoni ta’ dak kollu li tfittex meta tipprova ġġib players fi club tal-football: mexxej, raġel umli u player ta’ talent enormi li ħa lil Wolves f’livell differenti,” huwa qal.

“Kien parti minn era kbira għal dan il-club u se jitniżżel bħala wieħed mill-aqwa players li qatt kellna. Aħna grati għal dak kollu li għamel għal Wolves u nawguraw lilu u lill-familja tiegħu l-aħjar għall-futur.” 

Ekonomija

Sport