Ruling tal-Ispeaker ikkonferma gidba oħra tal-Oppożizzjoni u l-midja tagħha dwar il-Ministru Byron Camilleri.
Għax inqabdet f’paniku wara li l-kelliem għall-Intern tagħha għamel stqarrijiet mgħaġġla fuq il-Korp tal-Pulizija, ilbieraħ l-Oppożizzjoni ħarġet tattakka lill-Ministru Byron Camilleri u tallega li fil-Parlament il-Ministru Byron Camilleri prova jitfa’ xi ħtija fuq xi Maġistrat b’rabta ma’ każ li dwaru saru allegazzjonijiet.
Fl-ewwel okkażjoni wara dawn l-istqarrijiet, il-Ministru Byron Camilleri talab ruling fis-seduta tal-Erbgħa filgħaxija, liema ruling ingħata dalgħodu u kkonferma li dak li ntqal fi stqarrijiet tad-deputati Darren Carabott u Joe Giglio u f’rapporti fuq Net News fil-konfront tal-Ministru Byron Camilleri kien gidba.
Fil-fatt ir-ruling tal-Ispeaker, anke b’referenza għal dak li jiġri fil-House of Commons, spjega l-bżonn li l-proċeduri tal-parlament ikunu rapportati fedelment għax dak ikun ukoll disprezz lejn il-Parlament. L-Ispeaker qal li t-test li għamel kien jekk dak li ġie rrapportat fil-midja jammontax għal rapport falz jew mgħawweġ. U l-konklużjoni hi ċara!
Ir-ruling tal-ispeaker qal:
“Fl-ebda mument u fl-ebda ħin ma huwa qal u kien qed iwaħħal fil-Maġistrat kif rapportat fil-portal ta’ Net News u kif ġie rapportat fl-isqarrija tal-Partit Nazzjonalista… Għalhekk, is-Sedja qiegħda tiddeċiedi u qiegħda tordna lill-uffiċċju tal-Partit Nazzjonalista biex jemenda l-istqarrija maħruġa u jagħmel referenza għal dak li ntqal eżatt mill-Ministru Byron Camilleri waqt li kien qed jirrispondi mistoqsija supplimentari fis-seduta tal-Parlament tal-11 ta’ Novembru 2025. Jingħad ukoll biex il-korrezzjoni ssir fl-ewwel opportunità mill-editur ta’ Net News u jikkoreġi dik il-parti fejn qed jagħmel referenza u jgħid: Dan meta l-Ministru Camilleri lbieraħ waħħal fil-Maġistrat anke jekk bħala Ministru suppost jaf li l-indirizzi li jkunu jiwtettqu rejds bħal dawn dejjem jinħarġu għal abbozzi ta’ informazzjoni li jgħaddi lill-pulizija l-gvern tiegħu stess. Kif ikkonferma l-Kummissarju Gafa.”
Ir-reazzjoni tal-Ministru Camilleri
B’reazzjoni, il-Ministru Camilleri qal li l-arroganza tal-Oppożizzjoni twassal biex minflok tirtira kliemha wara li tkun għaġġlet u waslet għall-konklużjonijiet li jirriżultaw mhux minnhom, tivvinta gidba ġdida, din id-darba dwaru.
“Filwaqt li jien mhux se ddejjaqni l-Oppożizzjoni għax il-gideb tagħha drajtu u se nibqa’ nesponih, nemmen li hija ħasra kbira li jkollok kelliem tal-Oppożizzjoni li minflok jieħu n-naħa tal-Korp tal-Pulizija juża attitudni li tista’ saħansitra tbeżża’ lill-Pulizija milli jagħmlu x-xogħol tagħhom għax qed jirriskjaw li jispiċċaw fil-mira ta’ kritika ħarxa u inġusta minn min suppost qed jappoġġjahom fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.”
Il-Ministru Camilleri ta appoġġ lill-Korp tal-Pulizija u qal: “Naf li jaħdmu f’ċirkostanzi diffiċli. Ngħidilhom b’mod ċar li għandhom il-Gvern warajhom biex jibqgħu jiġġieldu l-barunijiet tad-droga. Aħna ffokati biex nagħtuhom l-aqwa kundizzjonijiet u għodda biex jaħdmu lill-pulizija. Hekk għamilna u hekk se nibqgħu nagħmlu.”
Il-gidba ta’ Carabott
Kien nhar it-Tlieta li Darren Carabott ħareġ jiġri jikteb fuq Facebook jipprova jimmina l-ħidma tal-pulizija wara ċirkostanzi marbuta ma’ każ serju li wassal biex persuna tressqet il-Qorti b’rabta ma’ importazzjoni u traffikar tad-droga. Minflok radd ħajr lill-Pulizija għall-ħidma tagħhom, rikeb fuq artikli fil-ġurnali biex beda jfajjar l- bl-addoċċ.
Meta mistoqsi fil-Parlament fi tweġiba l-Ministru Camilleri poġġa fuq il-mejda tal-Kamra stqarrija tal-Korp tal-Pulizija li qraha kelma b’kelma. Mal-ħin, anke bi tweġibiet mill-Pulizija, baqa’ jirriżulta b’mod iktar ċar kemm Carabott għaġġel fil-konklużjonijiet tiegħu.
Minflok sar kawt jew talab skuża, nhar l-Erbgħa Darren Carabott ħareġ jgħid li l-Ministru Byron Camilleri kien qed iwaħħal fil-Maġistrat li ffirma l-mandat (warrant). Meta kien jaf li dan mhux il-każ.
Kien għalhekk li l-Erbgħa filgħaxija intalab ruling fejn il-Ministru Byron Camilleri talab is-sedja tanalizza dak li ntqal fil-parlament u tati gwida dwar.
Hawn ir-ruling kien ċar meta analizza l-fatti u rriżulta li din kienet konferma oħra tal-gideb tal-Oppożizzjoni u Darren Carabott dwar Byron Camilleri.

