Marjus Jorga, Rumen ta’ 27 sena ġie akkużat li wettaq 5 serqiet minn postijiet differenti f’Malta. Hu ġie akkużat ukoll li għamel ħsara fuq ħwejjeġ ħaddieħor, li assoċċja ruħu ma’ persuni oħrajn,li kkostitwixxa organizzazzjoni kriminali u li pparteċipa fl-istess għaqda kriminali.
Hekk kif nhar il-Ġimgħa tressaq il-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li hu ġie arrestat fir-Rumanija fejn kienu l-Pulizija Maltija li telgħu għalih biex jiġi estradit.
L-Ispettur Prosekutur qal li f’Lulju tal-2023 il-Pulizija kienu ġew informati li kienu seħħew 5 serqiet minn stabbilimenti li jinsabu f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Minn dawn is-serqiet kien insteraq affarijiet elettroniċi li l-ammont kien ilaħħq il-€180,000.
Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, intqal li waqt l-investigazzjonijiet li saru, kien sar magħruf li allegatament dawk li wettqu s-serqiet kienu Rumeni. Iżda sakemm il-pulizija kienu qegħdin jagħmlu l-identifikazzjoni tagħhom biex jiġu arrestati, huma kienu ħarbu minn Malta bil-katemaran lejn Sqallija.
Jirriżulta li huma kienu ndunaw li l-pulizija saru jafu min huma minn filmat li kien itella’ fuq il-midja soċjali fejn l-ħallelin jidhru iwettqu waħda mis-serqiet. Kien hawn li huma qatgħu biljett għal Sqallija u fi ftit sigħat ħarbu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li kien għalhekk li nħareġ mandat t’arrest Ewropew u internazzjonali fil-konfront tagħhom. Aktar kmieni dan ix-xahar il-Pulizija Maltija kienu ġew informati minn kollegi fir-Rumanija li kienu arrestaw lil Marjus. Sadanittant, għadha għaddejja bit-tfittxija għall-bqija tal-membri tal-grupp.
L-avukati difensuri qalu li f’dan l-istadju mhux se jkunu qegħdin jitolbu l-ħelsien mill-arrest, imma rriservaw id-dritt li dan jintalab aktar tard fil-proċeduri.
Kien għalhekk li l-Qorti ordnat li huma jibqgħu jinżammu arrestati fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin.