Marian Lucian Apostol, Rumen ta’ 38 sena, iżda residenti l-Mellieħa wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Simone Grech hekk kif tressaq il-Qorti mixli li kien seraq flixkun xampanja minn ħanut fir-Rabat Għawdex.
L-Ispettur Ketih Xerri spjega quddiem il-Qorti li kien daħal rapport fl-Għassa tar-Rabat li kienet seħħet serqa mill-ħanut ‘Square Cellar’. L-allegat serqa saret fil-25 ta’ Settembru li għadda. Fir-rapport kien ġie allegat li kien insteraq flixkun xampanja li għandu valur ta’ €157.89.
Hekk kif l-investigaturi bdew jaraw is-CCTVs tal-ħanut ġie ddentifikat ir-Rumen. L-Ispettur spjega li allegatament Apostol kien involut f’diversi serqiet oħrajn f’Għawdex li dwarhom diġà tressaq il-Qorti u wieġeb mhux ħati.
Hu kien tressaq il-Qorti mixli ma’ żewġ persuni oħrajn b’serqa minn Dirjanu Supermarket u anke minn Spiteri Catering. Dakinhar it-tlett akkużati kienu wieġbu mhux ħatja.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li wara li ġie ddentifikat inħareġ mandatt ta’ arrest u Apostol ġie arrestat fil-Faċlità Korrettiva ta’ Kordin fejn bħalissa qiegħed jinżamm arrestat fuq l-allega serq li sar f’Għawdex.
Apostol li rrifjuta l-għajnuna tal-avukat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Hu baqa’ jinżamm arrestat.
L-Ispettur Keith Xerri mexxa l-investigazzjonijiet.