Żewġ Rumeni ammettew quddiem il-qorti bl-involviment tagħhom f’serqa minn ħanut li jinsab fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Għal dan huma ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal perjodu ta’ erba’ snin.
Dragos Ionel Radu ta’ 48 sena, ammetta quddiem li fis-17 ta’ Jannar ta’ din is-sena wettaq serqa ta’ flus kontanti u diversi oġġetti oħra minn ħanut fl-ajuport.
L-imputat l-ieħor George Polizu, ta’ 54 sena, ammetta wkoll li kien fil-pussess ta’ oġġetti li rriżultaw li kienu misruqa.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fis-sentenza tagħha qalet li wieħed irid jikkonsidra li l-flus u l-oġġetti misruqa kienu kollha rkuprati mill-Pulizija u jinsabu fil-kustodja tagħha, u li dawn se jiġu ritornati lis-sidien leġittimi tal-ħanut.
Qalet ukoll li l-imputatti ammettew il-ħtija fi stadju bikri tal-proċeduri. Kien għalhekk li wara li semgħet ix-xhieda mressqa mill-Prosekuzjoni sabithom ħatja fuq ammissjoni tagħhom stess u kkundannathom sentejn ħabs sospiżi għal perjodu ta’ erba’ snin.
L-Ispettur Christian Abela mexxa l-prosekuzzjoni.

