Rupert Tabone s-sewwieq tal-mutur li tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tal-5:15 p.m fi Triq Dun Karm f’Birkirkara se jkun qiegħed jingħata l-aħħar tislima fil-knisja ta’ San Gaetanu fil-Ħamrun nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Mejju fl-10.00am.
L-eks Bumbardier Tabone kien serva fl-iskwadra marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta u kien dilettant kbir tal-muturi.
Intant mijiet ta’ persuni sellmu l-memorja ta’ Rupert fejn fost l-oħrajn kitebu “ħallejtna bla kliem u b’qalbna maqsuma. Kont bniedem tal-ġenn, dejjem titbissem, tiċċajta u tixgħel kull fejn tkun”.
Mhux biss, Tabone jibqa’ mfakkar għall-kapaċitajiet tiegħu fil-kċina tant li kien jieħu f’idejh il-kċina biex jipperpara l-ikel ta’ sħabu. Il-ħiliet tiegħu mhux talli ma ntilfux talli ibnu huwa wieħed mill-kokijiet rinomati li hawn f’pajjiżna.