Stella Saifutdinova ta’ 44 sena b’ċittadinanza Russja wieġbet mhux ħatja li kkaġunat ġrieħi ħfief u anke kkaġunat biża’ lis-sieħeb tagħha.
Ir-Russa tressqet il-Qorti lbieraħ.
Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Qorti li l-Pulizija kienu rċivew rapport li kien hemm argument bejn koppja f’San Pawl il-Baħar. Hekk kif waslu fuq il-post il-Pulizija sabu lil allegat vittma li kellu xi demm ħiereġ minn saqajh.
Aktar tard ġie stabbilit li hu kien laqqat daqqa bi strument li jaqta’ u bil-ponta fil-parti t’isfel ta’ siequ tal-lemin.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-Pulizija nnutaw lill-mara taħsel sikkina li fuqha kien hemm id-demm u li wara rriżulta li kienet intużat waqt l-argument.
Meta ġie mitkellem mill-Pulizija, l-allegat vittma qal li l-argument kien dwar ċwievet tal-karozza liema argument baqa’ jeskala.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Prosekuzzjoni toġġezzjoni. Wara li l-Qorti semgħet miż-żewġ naħat ordnat li r-Russja tibqa’ tinżamm taħt arrest preventiv.

