Ħafna minna raw il-film kolossali “Gladiator” li fih l-attur prinċipali kien Russell Crowe. Dan tal-aħħar mhuwiex se jerġa’ jieħu r-rwol tiegħu fis-sequel li mistenni jibda jinħadem fix-xhur li ġejjin proprju f’pajjiżna, hekk kif kien sar fl-ewwel film.
Ir-rebbieħ tal-Academy Award għall-ewwel darba qasam x’jaħseb dwar it-tieni edizzjoni tal-film “Gladiator” fejn ammetta li “jgħir ftit” għal min se jaħdem fih minħabba li jħoss in-nuqqas tal-ambjent li jinħoloq fix-xeni ta’ żmien ir-Rumani tant magħrufa għaliha “Gladiator” fosthom dawk tas-suldati b’kostumi mill-isbaħ jiġġieldu fil-Colosseum.
Crowe kien il-protagonista ewlieni ta’ dan il-film ta’ suċċess. Għas-sequel se jkun l-attur Paul Mescal li se jkun il-verżjoni adulta taċ-ċkejken Lucio, iben Augusta Lucilla u n-neputi ta’ Commodus. F’intervista li Russel Crowe kellu ma’ “The Ryan Tubridy Show” huwa qal li, “smajt li dan iż-żgħażugħ huwa bil-għaqal u nixtieqlu l-aħjar possibbli”.
Rigward l-istorja tas-sequel Crowe qal li togħġbu ħafna.