Russu ta’ 41 sena qiegħed isofri minn ġrieħi serji wara li waqa’ madwar tliet sulari f’Tal-Pietà.
L-inċident seħħdalgħodu, ftit wara nofsillejl fi Triq Hookham Frere. Jirriżulta li r-raġel waqa’ meta kien qed jagħmel xi xogħlijiet fuq il-bejt tar-residenza fejn jgħix.
Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku, u ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat Dr Anthony Agius Bonnici ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.