Friday, December 13, 2024

Russu kontra l-invażjoni fl-Ukrajna miċħud minn ommu 

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Raġel Russu spiċċa miċħud u mneħħi mil-lista tal-eredi minn ommu stess wara li pubblikament ikkritika l-invażjoni ta’ pajjiżu fl-Ukrajna. Jean-Michel Scherbak ta’ 30 sena esprima d-diżapprovazzjoni tiegħu fuq Instagram b’konsegwenza li tant irrabja lil ommu, li din spiċċat tiċħdu bħala binha fejn insistiet li ma tridx tradituri fil-familja tagħha.

Il-mudell u attur Russu qal li s-sostenn li qiegħed jagħti lill-poplu Ukren kissirlu r-relazzjoni li kellu mal-għażiża ommu. Din, għalih, hija eżempju ieħor ta’ kemm il-President Russu, Vladimir Putin, kisser u fired familji u ħbieb minħabba l-aġenda tiegħu.

Scherbak beda jtella’ messaġġi kontra l-invażjoni fl-Ukrajna ftit wara li bdiet lejn l-aħħar ta’ Frar  li għadda. Huwa uża mezzi bħal vidjows u aġġornamenti tal-aħbarijiet biex jeduka lill-eluf ta’ segwaċi tiegħu fuq Instagram. F’intervista mas-CNN huwa qal li l-pożizzjoni li ħa hija kontra l-prinċipji ta’ ommu li hija sostenitriċi estrema ta’ Putin. Kif huwa kiteb li “jistħi għall-fatt li pajjiżu beda gwerra”, ommu immedjatament neħħitu mil-lista ta’ ħbieb fuq il-midja soċjali.

“Kitbitli fuq Facebook fejn akkużatni li jien traditur u li għamilt l-għażla tiegħi,” qal dan ir-Russu f’intervista oħra ma’ Reuters. Lis-CNN qalilhom li għandu numru ta’ ħbieb fl-Ukrajna li għal diversi drabi żaru lil pajjiżu. Kien hawn li Scherbak ħass li kellu jibda jikteb fuq il-midja soċjali dwar ir-realtà tal-gwerra bejn iż-żewġ pajjiżi fejn sostna li ma jistax jemmen kif fiż-żminijiet tal-lum għadha teżisti tant brutalità.

Scherbak beda jaqsam l-esperjenzi ta’ Ukreni fl-inħawi fejn kienu qegħdin isiru l-attakki mir-Russi. L-esperjenzi tan-nies fil-post bdew jikkontradixxu l-aħbarijiet lokali Russi. “Persuni li jgħixu barra l-bliet ewlenin jixgħelu t-televiżjoni u jaraw aħbarijiet ta’ propaganda biss. Jemmnu aktar lill-midja uffiċjali statali milli dik indipendenti,” sostna dan ir-Russu.

Eventwalment huwa ddeċieda li jitlaq minn Moska u fil-fatt din l-intervista mas-CNN għamilha mill-Ġermanja. Qabel telaq art twelidu, Scherbak reġa’ pprova jagħmel paċi ma’ ommu. Ix-xahar li għadda huwa kiteb fuq Instagram li bagħatilha xi flus u ittra li fiha qalilha li mhuwiex irrabjat magħha. 

Ir-risposta tagħha waslet f’qasir żmien fejn qaltu, “tibgħat xejn aktar għax se nibgħathom lura. Jien ma nikkomunikax ma’ tradituri ta’ art twelidhom. Sinċerament nittama li tneħħi l-passaport Russu tiegħek u li titlaq minn dan il-pajjiż. Int m’għadekx ibni. Mhux se jkun hemm tradituri fil-familja tiegħi”.

Minkejja li din qatgħet kull kuntatt ma’ binha, Scherbak kitbilha lura fuq Instagram fejn qalilha li ma’ wliedu huwa qatt m’huwa se jġib ruħu bl-istess mod li hija, però żied li jekk xi darba hija terġa’ tkun tixtieq terġa’ tkellmu, huwa lest li jilqagħha.

Ekonomija

Sport