Minn Robert Aloisio
Rużar Briffa jgħid li ma jara ebda kontradizzjoni bejn il-fatt li kien tabib u poeta: “Nistħajjel li qed nisma’ lil xi ħadd jgħid: ‘It-tabib Briffa x’jidħol fil-letteratura? It-tobba fiż-żejt ir-riġnu jifhmu u mhux fil-letteratura. Ħafna jaħsbu li l-letteratura u l-mediċina huma negazzjoni ta’ xulxin. Il-ġrajja ta’ Malta, imma, turi xorta oħra. Bosta tobba Maltin ħabbew u kitbu bil-Malti, u kollha kienu midħla tal-ilsna barranija wkoll. lnsemmi biss lil Bonamico, lil Cleardo Naudi, lil Fabriz Borg, lil Temi Zammit, lil Ġużè Bonnici, u lil Ġużè Galea u lil Manwel Agius fost il-ħajjin.”
Iżda fil-verità, il-ħidma tiegħu ta’ tabib kienet twaqqfu għal xi żmien lil Briffa milli jikteb il-poeżija. Fi żmien il-Pesta Bubonika mhux biss ma xandarx poeżiji iżda anqas kiteb xejn: ħsieb li rrefera għalih fl-ewwel versi li reġa’ kiteb wara fl-1938, “Fl-Indja”. Kif jgħid Friggieri, fuq naħa hemm l-istqarrija tiegħu dwar il-poeżiji:
“Uħud minnhom ktibthom fi żmien ta’ dwejjaq kbar… U ktibthom għalija, u swewli ħafna ġid bħala escapism,” iżda fuq in-naħa l-oħra hemm il-fatt li hu nnifsu xi drabi kien jgħid lil ħbiebu li ma kellux ħajra jibqa’ jikteb il-poeżija minħabba l-miżerja tal-bnedmin li kien jara, fehma mseddqa fl-aħħar versi ta’ “Il-Kotra u Jien”:
“X’tiswa qatt lill-kotra għajjiena
l-għanja Ii semmajtha jiena?
Għall-marid mhux Poeżija
imma s-serħ t’Anestesija.”

