Minn Cristian Muscat
Ta’ 20 sena biss, iżda diġà b’mentalità ta’ atleta matur, Ryan Bugeja qed jikkonsolida ismu bħala wieħed mill-aktar tiraturi konsistenti u determinati fl-isport tal-isparar f’Malta. Il-vjaġġ tiegħu fit-Trap mhuwiex sempliċiment storja ta’ riżultati u trofej, iżda ta’ dixxiplina, saħħa mentali u ambizzjoni ċara: li jasal fuq il-palk Olimpiku u jirrappreżenta lil Malta bl-aqwa mod possibbli.
“Il-ħolma tiegħi hija li nirbaħ midalja barra minn Malta, u iktar ’il quddiem li nasal sal-Olimpjadi,” jgħid Bugeja f’intervista li ħadnielu riċenement wara li rebaħ kompetizzjoni lokali. Hu qed jgħid dan b’ċertezza li tirrifletti kemm hu konxju tat-triq twila li għad fadal, iżda wkoll tal-kapaċitajiet tiegħu.
Ryan jista’ jiġi analizzat bħala atleta żagħżugħ ta’ persistenza mentali u eċċellenza teknika f’dixxiplina li titlob preċiżjoni assoluta. It-Trap hi dixxiplina fl-isparar fejn kull dettall jgħodd, u fejn żball wieħed jista’ jħassar kompetizzjoni sħiħa. Huwa proprju f’dan il-kuntest li Bugeja rnexxielu jibni reputazzjoni bħala atleta li jiflaħ il-pressjoni u jżomm livell għoli ta’ konsistenza, anke quddiem sfidi kontinwi.
Is-sena 2026 fetħet kapitlu ġdid u pożittiv fil-karriera tiegħu. Fit-18 ta’ Jannar, li għadda fis-Shooting Range Nazzjonali f’Ta’ Kandja, huwa rebaħ l-ewwel Trap Selection Shoot tal-istaġun b’wirja li kkonfermat is-saħħa mentali tiegħu. B’punteġġ ta’ 42 minn 50 fil-finali, Ryan wera kontroll assolut f’ambjent kompetittiv fejn kull sekonda u kull nifs jistgħu jagħmlu d-differenza.
“Dawn huma mumenti fejn trid tkun kompletament iffukat. M’hemmx spazju għal distrazzjonijiet,” jispjega. “Il-ħidma li nagħmel fil-preparazzjoni mentali hija kruċjali biex nasal għal dawn ir-riżultati.”
Iżda l-karriera ta’ Bugeja mhijiex limitata għall-palk lokali. Għal dawn l-aħħar sitt snin, huwa qed jirċievi appoġġ minn SportMalta, il-Malta Shooting Federation u l-Kumitat Olimpiku Malti, li tawh l-opportunita’ li jikkompeti b’mod regolari kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Dawn l-opportunitajiet huma parti mill-pedamenti ewlenin tal-iżvilupp tiegħu bħala atleta.
Fl-2022, Ryan ħa sehem fil-Kampjonati tad-Dinja f’Osijek, il-Kroazja, esperjenza li hu jiddeskrivi bħala waħda kruċjali fil-maturità sportiva tiegħu. “Ma kontx hemm biss biex nipparteċipa. Kienet opportunità biex nkejjel lili nnifsi kontra l-aqwa tiraturi fid-dinja,” jgħid. Minkejja d-diffikultajiet li jġibu magħhom kundizzjonijiet barranin bħal riħ differenti u viżibilità varjata, Bugeja wera li hu seta’ anke jikkompeti fuq livell internazzjonali.
Il-progress tiegħu kien evidenti wkoll fl-2025, sena li fiha kiseb personal best ta’ 120/125 plattina, riżultat li jpoġġih fost l-aqwa prestazzjonijiet personali fil-karriera tiegħu. “Dak il-mument tani ħafna kunfidenza. Meta tara li l-ħidma kollha li tkun qed tagħmel qed tagħti l-frott, tagħtik spinta enormi biex tkompli timbotta lilek innifsek,” jistqarr.
Riċentement, Bugeja reġa’ wera l-konsistenza tiegħu meta rebaħ l-ewwel post f’kompetizzjoni li saret f’Siġġiewi, prova oħra li jinsab f’fażi pożittiva ħafna tal-istaġun. Dawn ir-riżultati mhumiex każwali, iżda frott ta’ eluf ta’ sigħat ta’ taħriġ metodiku.
Fuq livell tekniku, l-istil ta’ Ryan huwa kkaratterizzat minn konsistenza enormi, li jippermettilu jantiċipa minn fejn se tkun qed toħroġ il-plattina hekk kif ħadem ħafna fuq ‘l hekk imsejjaħ istint. Madankollu, hu jisħaq li s-suċċess tiegħu mhuwiex frott talent biss. “Il-kowċis personali tiegħi għandhom sehem kbir. Irnexxielna naħdmu flimkien b’għan wieħed: li ma nħallu xejn itellifna u dejjem naraw li nimxu ‘l quddiem flimkien,” jgħid.
Ma jonqosx ukoll milli jagħti rikonoxximent lil dawk li jsostnuh barra mill-kamp tal-isparar. “Nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi u lit-tfajla tiegħi. Huma jgħinuni nkun b’saħħti mentalment u anke fiżikament. Mingħajr dan l-appoġġ, diffiċli ħafna tilħaq dawn il-livelli.”
Lil hinn mir-riżultati u l-punteġġi, Bugeja jemmen li l-akbar sfida fl-isparar hija dik psikoloġika. “Hemm ġranet fejn kollox jidher perfett u oħrajn fejn trid tiġġieled miegħek innifsek,” jistqarr. Proprju f’dawn il-mumenti jidħol il-valur tad-dixxiplina u r-rutina li bena matul is-snin.
Il-preparazzjoni mentali, flimkien ma’ taħriġ fiżiku regolari, għamlitu atleta aktar komplut u konxju tal-limiti tiegħu. Għalih, kull kompetizzjoni hija lezzjoni ġdida, opportunità biex jitgħallem u jtejjeb dettall ieħor. Hija din il-mentalità li tkompli ssaħħaħ it-triq tiegħu lejn livelli dejjem ogħla.
Bħala konklużjoni, Ryan Bugeja jirrappreżenta ġenerazzjoni ġdida ta’ tiraturi Maltin li lesti jkunu l-protagonisti fis-snin li ġejjin. Huwa atleta li mhux biss jimmira lejn il-plattina, iżda lejn il-perfezzjoni personali. Fl-istess ħin, għandu messaġġ ċar għal min qed jaqra:
“Nixtieq nara aktar nies jieħdu l-isparar bis-serjetà. Huwa sport sabiħ, li jgħallem dixxiplina, paċenzja u kontroll personali.”
Bil-ħarsa tiegħu ffukata fuq il-palk internazzjonali u l-ħolma Olimpika dejjem quddiem għajnejh, jidher ċar li l-istorja ta’ Ryan Bugeja għadha fil-bidu tagħha u l-aqwa kapitli tiegħu jistgħu jkunu għadhom ġejjin.

