Tuesday, April 30, 2024

Ryan Schembri jingħata l-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

L-eks Direttur ta’ More Supermarkets Ryan Schembri ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li l-Qorti qalet li huwa teknikament qatt ma kien maħrub. 

Schembri kien estradit mill-Iskozja u nġieb Malta f’Mejju li għadda biex jaffaċċja akkużi dwar frodi u ħasil ta’ flus stmati li jlaħħqu l-għexieren ta’ miljuni ta’ ewro. 

F’digriet mogħti l-Ġimgħa, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li Schembri qatt ma jista’ jitqies bħala “kriminal maħrub” peress li ma kien hemm l-ebda proċeduri kriminali u lanqas investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu meta ħalla Malta fl-2014. 

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Qorti semgħet kredituri oħra jixhdu dwar kif tilfu l-investimenti tagħhom fin-negozju ta’ Schembri meta dan ħalla l-pajjiż fl-2014. Ilbieraħ xehdu l-ġenituri u s-sieħba ta’ Schembri li offrew li jidħlu bħala terzi garanti. 

Il-Qorti ħadet kunsiderazzjoni tal-kondotta tal-akkużat, in-natura tal-akkużi u l-fatt li l-prosekuzzjoni kienet iddikjarat li ma kinitx qiegħda toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest. 

Il-Qorti osservat ukoll li Schembri ma kienx telaq mill-pajjiż biex jaħrab mill-proċeduri kriminali. Fil-fatt, dak iż-żmien ma kienu nbdew l-ebda proċeduri kontrih, lanqas kienu tressqu lmenti u l-investigazzjonijiet tal-pulizija ma kinux bdew. “L-ilmenti kriminali kontra Schembri ġew ippreżentati aktar tard,” qalet il-Qorti.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Maġistrat Frendo Dimech laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat taħt diversi kundizzjonijiet stretti fosthom li jidher għal kull seduta tal-Qorti u ma jistax isiefer. 

Sport