Għal tliet deċennji sħaħ, l-għaqda S.T.A.N.D. (Striving Towards Ability Not Disability) ilha taħdem fis-skiet iżda b’impatt qawwi favur persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Imwaqqfa fil-5 ta’ Marzu 1995 minn Dr Rene Eminyan, din l-organizzazzjoni mhux governattiva (VO/0365) bdiet bħala inizjattiva żgħira b’ħames żgħażagħ, il-ġenituri tagħhom u ftit voluntiera, u llum kibret f’komunità soda li tgħaqqad flimkien membri, familji u voluntiera minn madwar Malta kollha.
F’intervista ma’ dan il-ġurnal, Glenn Bugeja, li ilu sentejn involut fl-għaqda u li dan l-aħħar ħa r-rwol ta’ President, jitkellem magħna dwar il-missjoni ta’ S.T.A.N.D., l-isfidi, il-ħolm tiegħu għaż-żgħażagħ u s-sinifikat speċjali li din is-sena, li timmarka t-30 anniversarju, ġabet magħha.
“Meta wieħed iħares lura lejn l-istorja ta’ S.T.A.N.D., tara kemm kien hemm determinazzjoni u impenn sa mill-bidu,” jgħid l-isess Glenn Bugeja. “Il-grupp beda f’post żgħir fil-Pietà, imbagħad mar temporanjament fil-parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar, u sena biss wara stabbilixxa ruħu b’mod permanenti fil-Parroċċa ta’ San Franġisk ta’ Assisi fil-Qawra. Hemmhekk ilna attivi għal dawn l-aħħar 29 sena.”
Ir-rikonoxximent uffiċjali bħala NGO wasal fl-15 ta’ Jannar 2010, pass importanti li kkonferma l-istruttura u l-ħidma serja li kienet qed issir wara l-kwinti. Illum, S.T.A.N.D. tiltaqa’ kull nhar ta’ Erbgħa bejn l-4.00 p.m. u s-7.00 p.m. fil-Qawra, u hija magħmula minn 18-il membru li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn l-24 u t-52 sena. Minkejja l-età, Glenn jgħid li jibqgħu jissejħu “ż-żgħażagħ tagħna”.
“Huma ż-żgħażagħ tagħna,” itenni Glenn. “Għax dak li jgħaqqadna mhuwiex l-età, imma l-ispirtu, il-ħtieġa ta’ appoġġ u x-xewqa li jkunu parti mis-soċjetà.” Il-membri ġejjin minn diversi kundizzjonijiet, fosthom diżabilità fiżika u intellettwali, Down Syndrome, ADHD, awtiżmu u diffikultajiet fit-tagħlim.
Il-programm ta’ S.T.A.N.D. huwa varjat u mfassal biex jippromwovi l-iżvilupp personali u l-integrazzjoni soċjali. L-attivitajiet jinkludu ħarġiet kulturali, avvenimenti rikreattivi, drama, crafts, logħob, festi, BBQs, ġranet il-baħar, weekend breaks u anke mumenti ta’ riflessjoni u osservanzi reliġjużi. “Kull nhar t’Erbgħa m’hemmx biss attivitajiet għaż-żgħażagħ,” jispjega Glenn, “imma wkoll spazju fejn il-ġenituri u l-membri volontarji jiltaqgħu, jitkellmu u jappoġġjaw lil xulxin.”
Aspett kruċjali tal-ħidma ta’ S.T.A.N.D. huwa proprju l-appoġġ lill-familji. “Ġenituri li jgħixu l-istess realtajiet isibu sapport kbir f’xulxin. Aħna nippruvaw inkunu sistema ta’ sapport, mhux biss għall-membri imma għall-familji kollha,” jgħid il-president.
Is-sena 2025 kellha togħma speċjali għall-għaqda. “Kien unur kbir li ġejna rikonoxxuti u nominati, speċjalment għax kienet l-ewwel sena tiegħi bħala president,” jammetti Glenn. “Konna qed nikkompetu ma’ 17-il entità oħra. Ma konniex daqshekk magħrufa, imma konna nafu kemm xogħol sar wara l-kwinti. Il-fatt li dan ġara eżatt fis-sena tat-30 anniversarju jagħmel kollox aktar sinifikanti.”
Meta nitkellmu dwar inklużjoni u aċċessibbiltà, Glenn jagħraf li saru passi ’l quddiem, iżda fadal ħafna xi jsir. “Sar titjib, iva, iżda mhux kullimkien. Mhux kulħadd għandu bżonn wheelchair, imma xorta waħda hemm bżonn aktar aċċessibbiltà u mentalità miftuħa,” jisħaq.
Tema oħra li tħassbu ħafna hija x-xogħol u l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità. Glenn isemmi l-inċentivi li joffri l-gvern lill-kumpaniji li jimpjegaw persuni b’diżabilità, iżda jisħaq li trid tara wkoll ir-rieda reali tal-entitajiet. “Bidliet fid-dinja tax-xogħol wasslu biex ċerti xogħlijiet jisparixxu, meta fil-fatt setgħu jkunu opportunità għal dawn il-persuni. Jien naħdem f’kumpanija u nagħmel l-almu tiegħi biex nippromwovi l-impjieg, imma mhux dejjem ikun possibbli. Madankollu, nagħmlu wkoll work placements ma’ S.T.A.N.D.”
Aspett ieħor li Glenn jagħti importanza kbira huwa r-rwol tal-volontarjat fi ħdan S.T.A.N.D. Skontu, mingħajr il-ħin u d-dedikazzjoni tal-voluntiera, ħafna mill-attivitajiet ma jkunux possibbli. “Il-voluntiera huma parti mill-familja tagħna,” jgħid. “Kull nhar ta’ Erbgħa mhux biss jgħinu fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet, imma joħolqu relazzjonijiet ġenwini maż-żgħażagħ tagħna. Anke l-ġenituri jagħtu daqqa t’id, u dan isaħħaħ is-sens ta’ komunità.” Huwa jemmen li dan l-ispirtu kollettiv hu s-sigriet tas-suċċess ta’ S.T.A.N.D. tul is-snin u dak li se jkompli jmexxiha ’l quddiem fil-futur.
Il-ħolma personali tiegħu hija waħda ċara: “Nispera li fl-2026 inkunu nistgħu nżidu social enterprises biex iż-żgħażagħ tagħna jsibu xogħol u jkollhom aktar indipendenza. Din hija ħolma li nixtieq nara titwettaq.”
S.T.A.N.D. illum għandha wkoll preżenza fuq Facebook u qed tfittex membri ġodda. “Hemm żgħażagħ li ħallewna u oħrajn li qed infittxu. Aħna miftuħin għal min jixtieq jingħaqad magħna jew jgħin bħala voluntier,” jgħid Glenn, filwaqt li jħeġġeġ lil min hu interessat jikkuntattjah fuq in-numru 79004308.
Wara 30 sena ta’ ħidma, S.T.A.N.D. tibqa’ xhieda ħajja ta’ kif komunità żgħira, b’viżjoni ċara u qalb kbira, tista’ tagħmel differenza reali fil-ħajja tan-nies. Kif jgħid Glenn stess, “Aħna nippruvaw li dawn iż-żgħażagħ jgħixu ħajja sħiħa u jkunu parti mis-soċjetà, mhux minkejja d-diżabilità tagħhom, imma bil-kapaċitajiet tagħhom.”



