Saturday, October 26, 2024

S.W.E.A.T’, ħoss sajfi kemmxejn differenti għal Kelsey Bellante

Aqra wkoll

F’Settembru tas-sena l-oħra, Kelsey Bellante nediet Take U Home, kanzunetta li titfa’ ddoqq fil-karrozza fi tmiem il-ġurnata, u li tispiċċa tkanta magħha, hekk kif tkun sejjer lura d-dar. Din kienet id-deskrizzjoni ta’ Kelsey Bellante fi stqarrija ppubblikata dakinhar tat-tnedija. Take U Home għamlitha sal-quċċata tal-Klassifika tal-Maltin, u ndaqqet fuq uħud mill-istazzjonijiet ewlenin fosthom, 89.7 Bay. Illum, 09 ta’ Awwissu, Kelsey tniedi l-kanzunetta S.W.E.A.T li timxi lil’hinn mill-ħoss pop li forsi derrietna bih. Il-ġeneru huwa aktar reggae kontemporanju, b’elementi moderni li jġiegħluk trid tisma’ aktar.

S.W.E.A.T hija miktuba minn Daniel ‘Siconix’ Borg; Anthea; Matt ‘Muxu’ Mercieca; u Kelsey Bellante, bi produzzjoni ta’ Siconix Music. Din hija l-ewwel kanzunetta li Kelsey ħadmet ma’ dan it-tim, iżda tajjeb li nsemmu li Kelsey u Anthea huma żewġ membri fil-grupp ERBA’ li s-sena l-oħra għamlu d-debutt tagħhom fil-Malta Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Sirena li kisbet ir-raba’ post wara vot b’saħħtu mill-ġurija u l-pubbliku.

It-tnedija ta’ din il-kanzunetta hija akkumpanjata minn filmat iddireġut minn Kurt Cauchi ġewwa iCam Studios. Dan il-filmat li jinsta’ jintwera hawn juri lil protagonista, Kelsey, f’erba’ xeni totalment differenti minn xulxin, b’għan wieħed, li tinterpreta l-lirika tal-kanzunetta bl-aħjar mod possibli u tagħmel dak kollu li tista’ biex tiġbed viċin lejha lir-raġel li tant jixtieq ikun parti minn ħajjitha. 

Dwar il-kitba tal-kanzunetta, Kelsey tgħid li “għal bidu, il-lirika bdiet teħodni f’diversi postijiet differenti iżda xħin iltqajna bħala tim ġewwa l-istudjo ħassejna li l-attrazzjoni fiżika bejn żewġ minn nies, u kif persuna jaf tasal tagħmel minn kollox biex tiġbed l-attenzjoni ta’ dak li jkun.”

Mil-lum 9 ta’ Awwissu, S.W.E.A.T hija disponnibbli biex tinstema’ jew tinxtara minn fuq il-pjattaformi diġitali ewlenin inkluż: Spotify, iTunes, Apple Music, YouTube, Google Play  u Amazon Music fost l-oħrajn. Dan kien possibbli grazzi għal CAP-Sounds, kumpanija tad-distribuzzjoni Ġermaniża.

Vidjo Mużikali: https://youtu.be/HyQBE1B6LdE 

Sport