Wednesday, May 14, 2025

Sa 40 sena jiena qatt ma kont nagħmel eżerċizzju u llum il-gurnata l-atletika hija parti importanti mill-ħajja tiegħi – Victor Agius

Aqra wkoll

Minn Cristian Mucat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Daqs tliet snin ilu jiena bdejt inbati bid-diabete u meta sirt naf jien ħassejt il-bżonn li nbiddel il-ħajja tiegħi speċjalment fejn jidħol l-eżercizzju għax jiena qatt ma kont nagħmel xi tip ta’ sport. Bdejt nimxi imbagħad kont isseħibt ġo gym u kont bdejt ukoll nagħmel xi ftit jogging. Sentejn ilu l-mara applikatli għall-ġirja ta’ ħames kilometri meta jien kont għadni lanqas niġri tliet kilometri sħaħ. Għamilt din it-tiġrija u meta spiċċajtha ħassejtni veru soddisfatt. Wara din it-tiġrija rċevejt ħafna sapport u kurragg mingħand il-kuġin tiegħi James Agius li huwa atleta wkoll u minn hemm bdiet l-imħabba tiegħi għall-ġiri.

Illum il-ġurnata l-atletika saret parti minn ħajti fejn saħansitra qed nagħmel iktar minn mitt kilometru fil-ġimgħa.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

L-ikbar suċċess li kelli kemm ili li bdejt l-atletika  huwa l-livell ta’ fitness li rnexxieli nilħaq. Infatti, anke rnexxieli nieħu kontroll fuq id-diabete u nwaqqaf il-mediċina.

L-aħjar ħinijiet li rnexxieli nikseb huma 5K – 20.47mins La Salle Athletics  , 10k – 41.43 Beat your PB by Dillon mins u Nofs Maratona ġo Vjenna 1.34.38. L-itwal ġirja li ħadt sehem fiha kienet ta’ 30 kilometru.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Fl-opinjoni tiegħi dan l-isport qed isir iktar popolori u nemmen li l-livell tal-atletika f’Malta dejjem qed jitjieb u qed inġibu riżultati tajbin barra minn xtutna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħala riżorsi, inħoss li m’hawnx biżżejjed sigurtá fit-toroq biex nippratikkaw l-atletika. It-taħriġ tieghi, l-aktar li jsir f’Ta Qali u nixtieq nibda mmur t-trakka tal-Marsa.

Nemmen li bħala kompetizzjonijiet hawn għażla vasta minn fejn tagħżel għax spiss ħafna jiġu organizzati t-tlielaq ta’ kull distanza.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Fil-bidu tal-karriera tiegħi ġarrabt ħafna ‘injuries’ li ħallewni wieqaf għal ġimgħat sħaħ. Peró, fl-istess ħin għamilt ħbiberiji li għenuni biex nibqa’ determinat u nuri mpenn biex inkompli nirsisti fl-atletika.

Jien nixtieq inkompli ntejjeb il-ħinijiet tiegħi u nesperjenza iktar tlielaq barra minn Malta. Għandi wkoll x-xewqa li nagħmel ‘full marathon’.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Minn jixtieq jagħmel karriera fl-atletika jrid jibda bilmod imma jkun konsistenti. Il-gwida ta’ kowċ professjonali tgħin bis-sħiħ biex tibqa’ tagħmel progress mingħajr ma tagħmel ħsara fiżika.

Żgur li qatt mhu tard biex tibda. Sa 40 sena jiena qatt ma kont nagħmel eżercizzju u llum il-ġurnata l-atletika hija parti importanti mill-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Tgħinni mhux biss biex inħossni tajjeb fiżikament imma anke mentalment. Qatt mhu tard biex tibda. Ejja minn hemm!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport