‘Irrinova Darek’ hija skema li tipprovdi għajnuna finanzjarja sa massimu ta’ €15,000 lil dawk li jixtiequ jirrinovaw jew itejbu r-residenza tagħhom biex tkun aktar effiċjenti.
L-iskema tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici. Preżenti wkoll kienu diversi msieħba u sindki ta’ lokalitajiet fejn l-iskema se tkun disponibbli
Din l-iskema kienet diġà ġiet introdotta fl-2022 għar-residenti tar-Reġjun tal-Port, u din is-sena qed tiġi estiża għar-Reġjun tat-Tramuntana. Skont l-Att dwar il-Kunsilli Lokali, l-għan hu li matul is-snin li ġejjin, l-iskema titqassam ukoll għar-Reġjuni ta’ Nofsinhar, Lvant, Punent u Għawdex.
L-iskema, għal din is-sena se tkun maqsuma fuq żewġ għajnuniet u ċoè 75% u 90% tal-ispiża, b’massimu ta’ €15,000 u €1,000 addizzjonali għal dawk li jinstallaw Water Heater Pump. Dawk il-koppji li jaqilgħu anqas minn €50,000 bejniethom u dawk il-persuni singoli li jaqilgħu anqas minn €35,000, se jkunu intitolati għal 90% tal-ispiża totali, filwaqt li dawk il-persuni singoli li jaqilgħu aktar minn €35,000 u l-koppji li jaqilgħu aktar minn €50,000 se jkunu intitolati għal 75% tal-ispiża.
Il-Ministru Jonathan Attard spjega li dan l-appoġġ huwa bbażat fuq prinċipji ta’ ġustizzja soċjali, bħalma kien imwiegħed fil-Manifest Elettorali, u għandu l-għan li jassisti b’mod partikolari lil dawk bi dħul aktar baxx.
“L-Iskema Irrinova Darek, għandha l-għan li tgħin lil persuni sabiex l-investiment li jkunu għamlu fil-proprjetà jkomplu jsostnuh u jagħmluh wieħed aktar ta’ kwalità. Permezz ta’ din l-iskema se nkunu qed ngħinu lil dawk kollha li huma sidien jew inkella inkwilini ta’ proprjetà residenzjali sabiex jagħmlu l-bidliet meħtieġa biex il-proprjetà li jabitaw fiha tkun waħda iżjed effiċjenti fl-użu tal-enerġija,” qal il-Ministru Attard.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, spjega li l-applikazzjonijiet se jkunu miftuħa mit-23 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awissu 2025 u jistgħu jsiru biss online fuq is-sit http://bca.gov.mt. L-iskema hija miftuħa għas-sidien ta’ djar, inkwilini u anke organizzazzjonijiet volontarji, bil-kundizzjoni li jsiru interventi li jtejbu l-Energy Performance Certificate (EPC) tal-proprjetà.
Għal din it-tieni sejħa tal-iskema, jistgħu japplikaw biss ir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet: Ħ’Attard, Ħal Balzan, in-Naxxar, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, l-Imtarfa, San Ġwann u San Pawl il-Baħar.
Il-Perit Bonnici temm jgħid li l-għan hu li fi żmien ħames snin l-iskema tkun estiża mal-pajjiż kollu, sabiex kulħadd jingħata l-opportunità li jtejjeb ir-residenza tiegħu b’mod sostenibbli u responsabbli.