Friday, November 15, 2024

“Sa fl-aħħar nistgħu nerġgħu nibdew niċċelebraw il-festi” – Malcolm Pirotta

Aqra wkoll

Malcolm Pirotta għandu 25 sena u hu dilettant kbir tal-festa tan-Naxxar, il-post fejn twieled. Apparti li jimmudella u saħansitra ġieli rebaħ xi kompetizzjoni, għandu għal qalbu t-tiżjin tal-faċċata tad-dar tiegħu. Peress li ż-żona fejn joqgħod hu ma tantx ikun hemm tiżjin, iddeċieda li jagħmel xi ħaġa unika u differenti mis-soltu, dik li jġib il-festa tan-Naxxar fit-triq tiegħu stess. Kien għalhekk li żejjen il-faċċata tad-dar tiegħu bi drapp ferm sabiħ u l-kulur aħmar li jirrappreżenta l-festa tan-Naxxar. 

Il-Malta Records għarfu x-xogħol impekkabbli u dedikat li jagħmel u onorawh bi plakka kommemorattiva wara li hu stess waqqaf rekord tal-iktar faċċata mżejna ta’ din il-kategorija. Din l-istess faċċata hi wiesgħa 19-il pied u 10 pulzieri u għolja 24 pied u 7 pulzieri.

Madankollu Malcolm ma riedx jillimita ruħu biss għall-festa iżda ried joħloq xi ħaġa oħra li tfakkar dawn iż-żminijiet li għaddejjin minnhom bħalissa. Fil-fatt investa flusu f’armar ieħor li din id-darba jfakkar il-festi tal-Għid il-Kbir fosthom il-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu. 

Iżda kif ġietu l-idea biex jarma l-faċċata tad-dar tiegħu? Kif beda kollox?

“Biex ngħidlek is-sew, minn dejjem kont dilettant tal-festi inġenerali u fuq kollox tal-armar. Peress li jien inħobb ħafna l-festa tan-Naxxar speċjalment ta’ Marija Bambina, kont qed niddejjaq li ż-żona fejn noqgħod jien qatt ma kien qed ikun hemm tiżjin fit-toroq. Bl-għajnuna t’ommi, li hi ħajjata prima, bdejna nħitu d-drapp aħmar tal-festa. Ftit ‘l hemm u ftit ‘l hawn bdejt l-ewwel armar tiegħi tal-faċċata. Kull sena dejjem nivvinta xi ħaġa ġdida biex nikkumplimenta l-armar. L-armar jiswa l-flus iżda għalija dan hu delizzju li nħobb ninvesti fih.”

Malcolm jispjega li l-fatt li f’ċerti perjodi matul dawn l-aħħar sentejn, Malta marret għal lockdown parzjali, u kien għalhekk li hu investa l-ħin tiegħu f’dawn l-affarijiet u din il-ħaġa għenitu sabiex itaffi mill-monotonija li jaf joffri dan iż-żmien. 

Malcolm jinsab sodisfatt li estenda din in-namra tiegħu anke għall-festi tal-Għid il-Kbir. Fil-fatt apparti d-drapp aħmar tal-festa tan-Naxxar, issa għandu wkoll dak iswed li jirrappreżenta l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Gesu Kristu. Jgħid li dawn iż-żminijiet huma uniċi għax mingħajr ma trid tidħol f’riflessjoni profonda u taħseb fuq dak li għadda Kristu fil-mument tal-Passjoni.

Fuq kollox Malcolm jgħid li meta hu jkun qed jarma bl-affarijiet tal-Ġimgha l-kbira jħoss li jkun qed jidħol aktar fl-atmosfera tal-festa.

Malcolm ħa l-okkażjoni minn din l-intervista sabiex jirringrazzja lil ommu li tant tieħu paċenzja bih u tas-sehem li tat sabiex l-armar ġie daqshekk pulit. Jikkonferma li l-armar fih ħafna xogħol biex tkun tista’ thitu. Madankollu hu flimkien ma’ ommu jagħmlu dan ix-xogħol b’dedikazzjoni u b’reqqa kbira għax kif jgħid hu fl-aħħar mill-aħħar tieħu ħafna sodisfazzjon.

Malcolm jinnota li jekk filgħodu wieħed jista’ jara l-faċċata bil-kulur iswed jiddomina u b’pittura mill-isbaħ, bil-lejl din l-istess faċċata tieħu dehra oħra peress li tkun mixgħula b’numru kbir ta’ bozoz.

Malcolm Pirotta sostna li wara dak li nqala’ waqt il-pandemija tal-COVID-19, ħass li ma kellux jarma speċjalment minħabba li ma saru l-ebda festi jew attivitajiet oħra.

“Minkejja kollox, sa fl-aħħar nistgħu nerġgħu nibdew niċċelebraw il-festi li tant inħobbu wara sentejn xejn sbieħ li ġabet il-pandemija.”

Sadanittant fi tmiem il-ġimgħa imsemmi temp pjuttost imsaħħab b’riħ li għandu jkun qawwi għal qawwi ħafna.

Malcolm jikkonferma li dan it-tip ta’ temp xejn ma jgħin minħabba li l-armar jista’ jiġrilu ħafna ħsara. Għalhekk joqgħod attent u jieħu ħsiebu bl-aqwa mod possibbli.

Mistoqsi dwar kemm iż-żgħażagħ tal-lum huma dilettanti ta’ dan id-delizzju, Malcolm qal li hawn xi wħud minnhom li jinteressaw ruħhom u jagħtu daqqa t’id anke waqt il-ġranet tal-festa għalkemm dawn mhumiex bil-mijiet. Iħeġġeġ sabiex aktar żgħażagħ iħaddnu l-valur tal-volontarjat speċjalment fuq bażi lokali għax dan itik sodisfazzjon kbir.

Ekonomija

Sport