Tuesday, May 21, 2024

Sa issa ebda rapport ta’ traffikar ta’ persuni Ukreni f’Malta … tmien persuni b’kenn minn traffikar

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Qed infittex lil xi ħadd jagħtini kenn. Wara dak li għaddejna minnu fl-aħħar xhur f’din il-gwerra, nixtieq nibda ħajja ġdida ’l bogħod mill-gwerra.” Dawn huma appelli li regolarment qegħdin isiru minn tfajliet u nisa Ukreni waqt li jagħtu r-ritratti tagħhom u jitolbu biex persuni Ewropej jgħinuhom u jilqgħuhom f’darhom.

Is-sitwazzjoni ddisprata li jinsabu fiha dawn l-Ukreni, tpoġġihom f’riskju kbir ukoll ta’ traffikar, riskju li l-awtoritajiet f’pajjiżna qegħdin jgħassu għalih. Għalkemm Talk.mt hu infurmat li sa issa ma sar l-ebda rapport ta’ traffikar ta’ persuni Ukreni lejn Malta. 

Persuna li qed tgħin Ukreni mal-fruntiera tal-Polonja meta tkellmet ma’ Talk.mt qaltilna li “hu stmat li xejn inqas minn 10 miljun Ukren telqu minn djarhom minn meta bdiet l-invażjoni mir-Russja. Hu stmat li nofs dawn telqu mill-pajjiż fi vjaġġi iebsa li wassluhom biex raqdu fi stazzjonijiet tal-ferrovija. Sitwazzjoni li ġġibhom f’riskju kbir għal traffikar. Nista’ ngħidlek li fil-bidu tal-kriżi ma kien hawn ebda salvagwardji implimentati kontra t-traffikar ta’ persuni Ukreni li jkunu qed jaqsmu.

Kien diffiċli wkoll biex jagħmlu xi ħaġa simili minħabba l-ammonti kbar li bdew ġejjin. Kellek sitwazzjoni fejn traffikanti kemm jekk kienu qed jaħdmu għal aġenziji kif ukoll jekk għal rashom, setgħu jippożaw ta’ voluntieri u jidħlu u joħorġu miċ-ċentri fejn bdew jinżammu r-refuġjati sakemm ikomplu bil-vjaġġ. Hu hawn fejn it-traffikanti jibdew jagħmlu l-offerti fosthom li jwassluhom Issa l-kontrolli żdiedu sew.

Organizzazzjonijiet umanitarji qed jagħmlu skrutinju anke tal-voluntieri u qed jistabbilixxu limitu ta’ voluntieri li jistgħu jitkellmu u jersqu qrib ir-refuġjati Ukreni.” L-istess voluntier jgħidilna li “għalkemm żdied l-għarfien u żdiedu l-miżuri biex jipproteġuhom minn traffikar, dak li qed isir għadu ftit wisq u ftit li xejn hu magħruf kemm żdied ir-riskju ta’ traffikar jew x’esplojtazzjoni saret.”

Sorsi qrib l-awtoritajiet meta tkellmu ma’ Talk.mt qalulna li qegħdin isegwu b’mod kontinwu anke b’mezzi diġitali għadd ta’ siti li fihom qegħdin isiru l-appelli minn persuni Ukreni. Jispjegaw li r-riskju ta’ traffikar hu kbir.  Jisħqu li sa issa ma kien hemm ebda rapport ta’ traffikar ta’ persuni Ukreni f’Malta. 

Talk.mt hu infurmat ukoll li l-awtoritajiet f’pajjiżna qed jaraw li matul iż-żmien tal-pandemija kien hemm tnaqqis fil-każijiet li ġew riferuti li tista’ tkun relatata mal-biża’ tal-persuni li jispiċċa bla saqaf u affarijiet bażiċi u għaldaqstant jibża’ jirraporta jekk ikun f’sitwazzjoni ta’ sfruttar. Jgħidulna li matul din is-sena kien hemm tmien persuni li ngħataw kenn minħabba traffikar”.

Talk.mt tkellem mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) fejn meta mistoqsijin dwar it-traffikar qalulna li l-Proġett “All Equal Supporting Victims of Human Trafficking” li hu Proġett iffinanzjat minn AMIF (Asylum, Migrants and Integration Fund) jaħdmu ma’ kull min hu vittma ta’ traffikar. Hawnhekk tajjeb li niċċaraw li kemm nisa kif ukoll irġiel jistgħu jkunu vittmi tat-traffikar minħabba li dan huwa kunċett żbaljat li hawn u tista’ żżomm irġiel milli jitolbu l-għajnuna. 

Kemm in-nisa, l-irġiel u t-tfal jistgħu jkunu vittmi ta’ kull tip ta’ traffikar u sfruttar ta’ xogħol u esplojtazzjoni sesswali. Matul din is-sena, Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali permezz ta’ dan il-Proġett offriet  kenn lil tmien persuni u għenet ukoll persuni oħrajn li kienu vittmi ta’ traffikar li iżda ma kellhomx bżonn kenn.”  

L-FSWS tiddikjara wkoll li “bħalissa għandna dik li nsejħulha “safe house” li tagħmel parti mill-proġett “ALL Equal Supporting Victims of Human Trafficking” u hemm biżżejjed postijiet għal vittmi li jistgħu jiġu referuti għal dan is-servizz.

Kontinwament inħarsu dak li qed jiġri biex nipprevjenu u nantiċipaw kull sitwazzjoni li tista’ tinqala’ u li nkunu nistgħu nippjanaw għaliha minn qabel. Bħala “safe house” noffru akkomodazzjoni, għajnuna soċjali kif ukoll għajnuna terapewtika u prattika. L-għajnuna li tingħata tvarja skont il-każ imma l-għan aħħari tagħna hu li l-persuna terġa’ tħossha sigura biex timxi għal integrazzjoni u indipendenza lura fis-soċjetà. L-għajnuna li noffru hija fuq bażi ta sitt xhur imma tista’ tiġi estiża jekk il-persuna minħabba raġunijiet differenti ma tkunx għadha lesta li tgħix b’mod indipendenti.”

Mistoqsijin dwar jekk hemmx pjani biex jiżdiedu d-djar ta’ kenn għal persuni vittmi ta’ traffikar, il-FSWS tgħidlna li “s’issa ma jidhirx li hemm domandi għal iżjed postijiet ta’ kenn għal persuni li huma vittmi ta’ traffikar uman.” 

Jenfasizzaw li “min-naħa tal-Fondazzjoni ħdimna biex inkabbru l-għarfien dwar it-traffikar uman biex flimkien ma’ entitajiet differenti niġġieldu t-traffikar uman filwaqt li l-vittmi jiġu riferuti għal għajnuna meħtieġa iżjed malajr. Matul iż-żmien tal-pandemija nnutajna li kien hemm tnaqqis fil-każijiet li ġew riferuti li jista’ tkun relatata mal-biża’ tal-persuni li jispiċċa bla saqaf u affarijiet bażiċi u għaldaqstant jibża’ jirraporta jekk ikun f’sitwazzjoni ta’ sfruttar.  F’ħafna pajjiżi Ewropej it-traffikar mexa wkoll iktar online u bħala pajjiż qed naħdmu biex nagħmlu iktar riċerka fuq dan l-aspett biex jekk hemm bżonn jingħata aktar għarfien lill-pubbliku dwar il-periklu li jista’ jkun hemm fid-dinja diġitali.”

L-FSWS jiddikjaraw ukoll li f’postijiet fejn hemm gwerer, kunflitti u instabbilità politika, jibda jiżdied ir-riskju li l-persuni jispiċċaw vittmi ta’ traffikar uman. Sa issa ma sar l-ebda rapport mal-Aġenzija Appoġġ ta’ traffikar ta’ persuni Ukreni. Bħala aġenzija għamilna diversi eżerċizzji ta’ outreach biex ninfurmaw bis-servizzi li noffru min-naħa tagħna. Kien hemm għadd ta’ familji li talbu għall-għajnuna. Kellna talbiet għal għajnuna finanzjarja, għajnuna biex isibu xogħol, għajnuna għal akkomodazzjoni u informazzjoni dwar is-servizzi f’Malta.”

Sport