Saturday, December 21, 2024

Sa issa ġew salvati 94,000 impjieg… Maħduma 98.7% tat-talbiet bi spiża totali ta’ €7,348,918

Aqra wkoll

Miktub Minn Maria Azzopardi 

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti Mark Musu taw rendikont dwar il-benefiċċji soċjali relatati ma’ Covid-19 fejn fakkru li hemm erba’ benefiċċji li qed jitħallsu minn naħa tal-Ministeru minħabba l-Covid-19. 

Qed jingħataw €800 fix-xahar gross jekk persuna tkun taħdem full-time u €500 jekk persuna taħdem part-time. Minn dawn jinżammu 10% li jmorru għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali.

Ġimgħa ilu kien hemm ftit aktar minn 9000 applikazzjoni u kienu ġew maħduma 96.7% tat-talbiet bi spiża totali ta’ €5,814,248. Ilbieraħ sar proċess ieħor tal-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji, is-sitt wieħed li sar, liema ħlas ikopri sal-Ġimgħa 8 ta’ Mejju 2020. In-numru ta’ applikanti tela’ għal 9670. Minn dawn it-talbiet ġew maħduma 98.7% bi spiża totali ta’ €7,348,918.

Fost dawk li tħallsu llum hemm 5,863 persuni li rċevew il-benefiċċju tal-ġenituri, dak mediku jew tad-diżabilità waqt li żammew l-impjieg u hemm 399 persuna oħra waqqfu l-benefiċċju u rritornaw għax-xogħol – dawn huma 6,262 impjieg ieħor salvat li magħduda mal-kważi 88,000 impjieg salvati bl-iskemi tal-Malta Enterprise allura b’kollox sa issa ġew salvati 94,000 impjieg.

Kważi 84% tal-benefiċjarji huma Maltin u hemm il-bqija li ġejjin mir-Renju Unit, pajjiżi Ewropej, Pajjiżi Afrikani u Lvant Nofsani u pajjiżi terzi.

Minħabba n-numru ta’ ħaddiema barranin li jaħdmu f’pajjiżna u anke minħabba li hemm 16% tal-benefiċjarji li huma barranin, żdied ukoll in-numru ta’ emails li t-Taqsima rċeviet matul dawn l-aħħar xhur. It-total tal-emails li daħlu mill-pubbliku li daħlu fuq l-indirizz ġeneriku tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sal-5 ta’ Mejju kien ta’ 58,280 li minnhom kienu solvuti 55,722.

Żdiedu wkoll in-numru ta’ telefonati fuq il-helplines fejn ġew irreġistrati 9,097 telefonata fuq il-helpline 25903030 tal-anzjani, 2,472 telefonata fuq il-helpline 1772 tal-appoġġ u 5,300 telefonata bi skype fil-faċilità għall-kura fit-tul San Vinċenz De Paul bejn residenti u l-Qraba tagħhom.

Il-Fondazzjoni għall-ħarsien soċjali qassmet 15,000 kaxxa bi prodotti essenzjali lill-familji vulnerabbli fi djarhom taħt il-programm ta’ għajnuna nazzjonali. Il-Ministru Falzon faħħar u rringrazzja l-ħaddiema kollha tad-Dipartiment u dawk kollha fi ħdan il-Ministeru.

Ekonomija

Sport